Huangshan
Huangshan jew il-Muntanja Huang (biċ-Ċiniż: 黄山),[1] li litteralment tfisser il-Muntanja s-Safra jew il-Muntanji s-Sofor, hija katina muntanjuża fin-Nofsinhar tal-provinċja ta' Anhui fil-Lvant taċ-Ċina. Oriġinarjament kienet tissejjaħ "Yishan", u isimha nbidel minħabba leġġenda li l-Imperatur Xuanyuan darba kien jipprattika l-alkimija hawnhekk.[2] Il-veġetazzjoni tal-katina muntanjuża hija folta l-iżjed taħt l-1,100 metru (3,600 pied), b'siġar li jikbru sa elevazzjoni ta' 1,800 metru (5,900 pied).
L-inħawi huma magħrufa sew għax-xenarju mill-isbaħ, għal inżul ix-xemx, għall-qċaċet tal-granit b'għamliet strambi, għas-siġar taż-żnuber ta' Huangshan, għall-fawwariet termali, għall-borra fix-xitwa u għall-veduti minn fuq is-sħab. Huangshan hija suġġett frekwenti fil-pittura u fil-letteratura Ċiniża tradizzjonali, kif ukoll fil-fotografija moderna. Hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin taċ-Ċina.[3]
Deskrizzjoni fiżika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-katina muntanjuża ta' Huangshan fiha bosta qċaċet, uħud minnhom għoljin iktar minn 1,000 metru (3,250 pied). L-iżjed tliet qċaċet għoljin u l-iżjed magħrufin huma l-Quċċata tal-Lotus (Lianhua Feng, 1,864 metru), il-Quċċata Tiżreġ (Guangming Ding, 1,860 metru) u l-Quċċata Ċelestjali (Tiandu Feng, litteralment Kapitali tal-Quċċata tal-Ġenna, 1,829 metru). Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jkopri erja tal-qalba tas-sit ta' 154 kilometru kwadru u erja taż-żona ta' lqugħ ta' 142 kilometru kwadru. Il-muntanji ġew iffurmati fil-Mesożojku, madwar 100 miljun sena ilu, meta baħar tal-qedem għeb minħabba olzar tettoniku. Iktar 'il quddiem, fil-Perjodu Kwaternarju, il-pajsaġġ issawwar bl-influwenza tal-glaċieri.
Il-veġetazzjoni tal-inħawi tvarja skont l-elevazzjoni. Il-foresti mesiċi jkopru l-pajsaġġ ta' taħt l-1,100 metru. Il-foresti ħorfija huma estiżi minn 1,100 metru sal-linja tas-siġar f'għoli ta' 1,800 metru. Iktar 'il fuq minn dan il-punt, il-veġetazzjoni tikkonsisti minn bwar tal-ħaxix alpini. Fl-inħawi hemm diversità ta' flora, fejn huma rrappreżentati terz tal-familji ta' brijofiti taċ-Ċina u iktar minn nofs il-familji ta' felċi tagħha. Is-siġra taż-żnuber ta' Huangshan (Pinus hwangshanensis) ingħatat isem il-katina muntanjuża u titqies bħala eżempju ta' qawwa minħabba li tikber dritt mill-blat. Ħafna mis-siġar taż-żnuber tal-inħawi għandhom iktar minn mitt sena u ngħataw l-ismijiet tagħhom stess (pereżempju s-Siġra taż-Żnuber ta' Ying Ke jew is-Siġra taż-Żnuber li Tilqa' l-Mistednin, li huwa maħsub li għandha iktar minn 1,500 sena). Is-siġar taż-żnuber ivarjaw ferm bħala daqs u għamla, u l-iżjed siġriet mgħawġin jitqiesu bħala l-iżjed attraenti. Barra minn hekk, il-klima bl-indewwa ta' Huangshan tiffaċilita t-tkabbir tal-weraq tat-te u l-muntanja ssejħet bħala "waħda mill-iprem muntanji taċ-Ċina fejn jitkabbar it-te aħdar". Mao feng cha (it-"Te tal-Quċċata tal-Fer"), varjetà lokali magħrufa sew ta' te aħdar, issejħet hekk minħabba wiċċ il-weraq tat-te fl-inħawi ta' Huangshan.
Il-qċaċet tal-katina muntanjuża spiss joffru veduti 'l fuq mis-sħab, fenomenu li jissejjaħ Baħar tas-Sħab (biċ-Ċiniż: 云海; bil-Pinjin: yúnhǎi) jew "Baħar ta' Huangshan", minħabba li s-sħab jidher qisu xi oċean, u bosta veduti huma magħrufa b'ismijiet bħal "Baħar tat-Tramuntana" jew "Baħar tan-Nofsinhar". Kittieb partikolari rrimarka fuq il-veduta tas-sħab minn Huangshan dan li ġej:
Sabiex tgawdi l-kobor ta' muntanja, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet trid tħares 'il fuq. Madankollu, sabiex tgawdi l-muntanja ta' Huangshan, trid tħares 'l isfel.[4]
L-inħawi huma magħrufa wkoll għal effetti notevoli bid-dawl, bħal tlugħ ix-xemx. L-osservazzjoni ta' tlugħ ix-xemx titqies bħala parti "obbligatorja" minn żjara tal-inħawi. Fenomenu magħruf bħala d-Dawl tal-Buddha (biċ-Ċiniż: 佛光; bil-Pinjin: fóguāng) huwa magħruf sew u bħala medja, id-Dawl tal-Buddha jidher biss xi ftit drabi fix-xahar. Barra minn hekk, Huangshan għandha bosta fawwariet termali, u l-biċċa l-kbira minnhom jinsabu taħt il-Quċċata tas-Sħaba Vjola. L-ilma ta' ġo fihom jibqa' b'temperatura kostanti ta' 42 °C (107.6 °F) is-sena kollha, u għandu konċentrazzjoni għolja ta' karbonati. Jingħad li l-ilma tagħhom jgħin fil-prevenzjoni tal-mard tal-ġilda, tal-ġogi u tan-nervituri.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Huangshan iffurmat madwar 100 miljun sena ilu u kisbet il-formazzjonijiet ġeoloġiċi uniċi tagħha matul il-Glaċjazzjoni Kwaternarja.
Matul id-dinastija Qin, Huangshan kienet magħrufa bħala Yishan (il-muntanja Yi). Fis-747 W.K., isimha nbidel għal Huangshan (il-muntanja Huang) permezz ta' digriet imperjali; l-isem huwa maħsub li oriġina bħala ġieħ lil Huang Di (l-Imperatur Isfar), imperatur Ċiniż leġġendarju u l-antenat mitoloġiku taċ-Ċiniżi Han. Leġġenda partikolari tirrakkonta li Huangshan kienet il-post li minnu l-Imperatur Isfar tela' l-ġenna. Leġġenda oħra tgħid li l-Imperatur Isfar "rawwem karattru morali u kabbar Pilloli tal-Immortalità fil-muntanji, u b'hekk dan wassal biex jingħataw ismu. L-ewwel użu tal-isem "Huangshan" spiss jiġi attribwit lill-poeta Ċiniż Li Bai. Huangshan kienet pjuttost inaċċessibbli u ma tantx kienet magħrufa fl-imgħoddi, iżda l-bidla f'isimha fis-747 W.K. milli jidher attirat iktar attenzjoni lejn dawn l-inħawi; minn dak iż-żmien 'il quddiem, iż-żjarat fl-inħawi żdiedu u nbnew bosta tempji hemmhekk.
Huangshan hija magħrufa għat-taraġ tal-ġebel tagħha, imnaqqxin f'ġenb il-muntanja, u huwa maħsub li hemm iktar minn 60,000 tarġa fl-inħawi. Id-data meta beda x-xogħol fuq it-taraġ mhijiex magħrufa, iżda ntqal li għandhom iktar minn 1,500 sena.
Matul is-snin, bosta postijiet xeniċi u karatteristiċi fiżiċi tal-muntanja ngħataw isem; bosta mill-ismijiet għandhom xi ġrajjiet marbuta magħhom. Pereżempju, leġġenda partikolari tirrakkonta l-ġrajja ta' raġel li ma kienx jemmen fir-rakkonti dwar is-sbuħija ta' Huangshan u mar iżur il-muntanji biex jarahom b'għajnejh; kważi mill-ewwel, biddel fehmtu kif rahom. Waħda mill-qċaċet li jingħad li żar kienet dik ta' Shixin (始信), li bejn wieħed u ieħor tfisser "ibda emmen".
Fl-1982, Huangshan ġiet iddikjarata bħala "sit ta' sbuħija xenika u ta' interess storiku" mill-Kunsill Statali taċ-Ċina. Saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 għax-xenarju tagħha u għar-rwol li għandha bħala ħabitat għall-ispeċijiet rari u mhedda. Sussegwentement, ġiet iċċertifikata bħala Ġeopark Nazzjonali, u mbagħad bħala ġeopark reġjonali (fin-Network tal-Ġeoparks tal-Asja u tal-Paċifiku), u fl-2004 ġiet iddeżinjata bħala Ġeopark Globali tal-UNESCO.
Fl-2002, Huangshan ġiet imsemmija bħala l-"muntanja ġemellata" ta' Jungfrau fl-Alpi Żvizzeri.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja ta' Huangshan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]
Ispirazzjonijiet artistiċi u xjentifiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tar-reputazzjoni ta' Huangshan oriġinat mill-importanza tagħha fl-arti u fil-letteratura Ċiniża. Barra minn hekk, għall-poeti ta' ispirazzjoni bħal Li Bai, Huangshan u x-xenarju tagħha kienu suġġett frekwenti tal-poeżija u tal-opri tal-arti, speċjalment il-pitturi Ċiniżi bil-linka, u iktar reċentement il-fotografija. Barra minn hekk, mid-dinastija Tang sal-aħħar tad-dinastija Qing, iktar minn 20,000 poeżija nkitbu dwar Huangshan, u skola tal-pittura ssemmiet għaliha. Il-muntanji tfaċċaw ukoll fix-xogħlijiet moderni; ir-reġista James Cameron ikkwota lil Huangshan bħala waħda mill-influwenzi tiegħu meta ddisinja d-dinja fittizja tal-film tal-2009 tiegħu Avatar, u s-sensiela animata Ċiniża Stitch & Ai, ibbażata fuq Lilo & Stitch tad-Disney, hija ambjentata fil-muntanji ta' Huangshan.
L-inħawi ntużaw bħala post għar-riċerka xjentifika minħabba d-diversità ta' flora u ta' organiżmi selvaġġi li jgħixu hemmhekk. Fil-bidu nett tas-seklu 20, il-ġeoloġija u l-veġetazzjoni ta' Huangshan kienu s-suġġetti ta' diversi studji ta' xjenzati Ċiniżi u barranin. Il-muntanja għadha fil-mira tar-riċerka. Pereżempju, fl-aħħar tas-seklu 20, tim ta' riċerkaturi użaw l-inħawi għal studju fil-post tal-makakki Tibetani, speċi lokali ta' xadini.
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]B'mill-inqas 140 sezzjoni miftuħa għall-viżitaturi, Huangshan hija destinazzjoni turistika ewlenija fiċ-Ċina. Il-Belt ta' Huangshan bidlet isimha minn Tunxi (biċ-Ċiniż: 屯溪) fl-1987 sabiex jiġi promoss it-turiżmu f'Huangshan. Fl-2007 iktar minn 1.5 miljun turist żaru l-muntanja. Il-belt hija kkollegata bil-ferrovija u bl-ajru ma' Shanghai, u hija aċċessibbli wkoll minn bliet bħal Hangzhou, Zhejiang u Wuhu, Anhui. Il-karozzi tal-linja jikkollegaw il-Belt ta' Huangshan mal-bażi tal-muntanja, fejn il-viżitaturi jistgħu jieħdu cable car jew jimxuha sal-quċċata.
Hemm iktar minn 50 kilometru ta' mogħdijiet li jagħtu aċċess lil żoni xeniċi għall-viżitaturi u għall-persunal tal-faċilitajiet. Madwar l-inħawi hemm lukandi u guest houses li jakkomodaw il-viżitaturi li ħafna minnhom imorru jimxu fil-muntanji, iqattgħu l-lejl f'waħda mill-qċaċet biex jaraw tlugħ ix-xemx, u mbagħad jinżlu minn rotta differenti l-għada. L-inħawi huma kklassifikati bħala żona xenika AAAAA mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu fiċ-Ċina.
Il-lukandi, ir-ristoranti u faċilitajiet oħra fil-quċċata tal-muntanja huma moqdija minn trasportaturi li jtellgħu u jniżlu r-riżorsi madwar il-muntanja bil-mixi, u jġorru l-merkanzija tagħhom permezz ta' lasti twal ibbilanċjati fuq spallejhom jew fuq daharhom.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Huangshan għandha klima kontinentali umduża (Dfb skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen) jew klima ta' artijiet għoljin subtropikali (Cfb skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), skont liema iżoterm jintuża. L-elevazzjoni tagħha tagħmilha iktar kiesħa u tirċievi iktar preċipitazzjoni mill-bqija ta' Anhui.
Data klimatika għal Huangshan (f'elevazzjoni ta' 1,840 metru (6,040 pied), temp. normali fl-1991–2020) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 12.9
(55.2) |
13.8
(56.8) |
16.3
(61.3) |
22.3
(72.1) |
24.5
(76.1) |
25.7
(78.3) |
27.6
(81.7) |
27.1
(80.8) |
26.0
(78.8) |
23.7
(74.7) |
17.7
(63.9) |
14.2
(57.6) |
27.6
(81.7) |
Temp. għolja medja ta' kuljum f'°C (°F) | 1.5
(34.7) |
3.5
(38.3) |
7.2
(45.0) |
12.3
(54.1) |
16.2
(61.2) |
18.3
(64.9) |
20.8
(69.4) |
20.6
(69.1) |
17.4
(63.3) |
13.2
(55.8) |
8.9
(48.0) |
3.4
(38.1) |
11.9
(53.5) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | −1.8
(28.8) |
0.1
(32.2) |
3.5
(38.3) |
8.6
(47.5) |
12.8
(55.0) |
15.6
(60.1) |
18.0
(64.4) |
17.7
(63.9) |
14.3
(57.7) |
9.9
(49.8) |
5.6
(42.1) |
0.1
(32.2) |
8.7
(47.7) |
Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°C (°F) | −4.9
(23.2) |
−3.1
(26.4) |
0.1
(32.2) |
5.4
(41.7) |
9.9
(49.8) |
13.4
(56.1) |
16.1
(61.0) |
15.7
(60.3) |
11.9
(53.4) |
7.1
(44.8) |
2.6
(36.7) |
−3.1
(26.4) |
5.9
(42.7) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −22.0
(−7.6) |
−19.1
(−2.4) |
−15.9
(3.4) |
−11.7
(10.9) |
−4.7
(23.5) |
1.3
(34.3) |
8.5
(47.3) |
6.8
(44.2) |
−0.6
(30.9) |
−9.8
(14.4) |
−19.0
(−2.2) |
−22.7
(−8.9) |
−22.7
(−8.9) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 99.5
(3.92) |
115.3
(4.54) |
175.8
(6.92) |
222.0
(8.74) |
286.2
(11.27) |
481.4
(18.95) |
370.7
(14.59) |
301.2
(11.86) |
147.4
(5.80) |
90.1
(3.55) |
91.4
(3.60) |
68
(2.7) |
2,449
(96.44) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 14.5 | 13.9 | 17.0 | 16.2 | 17.1 | 18.8 | 16.8 | 19.2 | 14.0 | 10.9 | 11.1 | 10.8 | 180.3 |
Medja ta' jiem bil-borra | 9.8 | 6.8 | 5.4 | 0.9 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.1 | 2.0 | 6.5 | 31.5 |
Umdità relattiva medja (%) | 67 | 73 | 76 | 77 | 79 | 88 | 92 | 92 | 87 | 71 | 64 | 59 | 77 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 142.4 | 129.7 | 136.5 | 144.6 | 152.2 | 99.6 | 123.3 | 112.0 | 124.7 | 168.9 | 159.6 | 164.3 | 1,657.8 |
Possibbiltà perċentwali ta' bnazzi | 44 | 41 | 37 | 37 | 36 | 24 | 29 | 28 | 34 | 48 | 51 | 52 | 38 |
Sors: l-Amministrazzjoni Meteoroloġika taċ-Ċina.[5][6] |
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Bernstein, Ken (1999). China pocket guide. Riveduta minn JD Brown; editjata minn Richard Wallis. Berlitz Publishing Company. ISBN 2-8315-7049-2.
- Cao Nanyan (2003). China: World Heritage Sites. Beijing: China Architecture and Building Press. ISBN 0-7607-8685-2.
- Guo Changjian; Song Jianzhi (2003). World Heritage Sites in China. 五洲传播出版社 (Wuzhou Publishing House). ISBN 7-5085-0226-4.
- Heiss, Mary Lou; Robert J. Heiss (2007). The Story of Tea. Ten Speed Press. p. 122. ISBN 978-1-58008-745-2. Huangshan.
- Huangshan Mountains. China Travel and Tourism Press. 1998. ISBN 7-5032-1520-8.
- Ogawa, Hideshi; Akie Yanagi (2006). Wily Monkeys: Social Intelligence of Tibetan Macaques. Trans Pacific Press. ISBN 1-920901-97-3.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Bernstein, pp. 125–127.
- ^ "Origins and new interpretations on the theory of Pleistocene glaciation in South-East China - the case of the Lushan and Huangshan ranges". Annales de Géographie. 101: 472.
- ^ a b ċ "Mount Huangshan". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-20.
- ^ Guo, pp. 62–64.
- ^ "中国气象". data.cma.cn. Miġbur 2024-08-20.
- ^ "Experience Template". experience.arcgis.com. Miġbur 2024-08-20.