Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Roskilde

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Katidral ta' Roskilde.

Il-Katidral ta' Roskilde (bid-Daniż: Roskilde Domkirke), fil-belt ta' Roskilde fuq il-gżira ta' Zealand (Sjælland) fil-Lvant tad-Danimarka, huwa katidral tal-Knisja Luterana tad-Danimarka.

Il-katidral huwa l-iżjed knisja importanti fid-Danimarka, il-knisja tal-oqbra rjali uffiċjali tal-monarki Daniżi, u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Dan bis-saħħa tal-arkitettura tal-katidral li toħroġ fid-dieher 800 sena ta' stili arkitettoniċi Ewropej, u peress li hija waħda mill-iżjed eżempji bikrin fl-Iskandinavja ta' katidral Gotiku mibni bil-brikks; il-binja ħeġġet it-tifrix tal-istil Gotiku bil-brikks fit-Tramuntana tal-Ewropa kollha. Mibni fis-sekli 12 u 13, il-katidral jinkorpora karatteristiċi Gotiċi u Rumaneski fid-disinn tiegħu. Il-katidral ilu l-post tad-dfin prinċipali għall-monarki Daniżi mis-seklu 15. Matul is-sekli ġie estiż u mmodifikat b'mod estensiv biex jiġu akkomodati għadd konsiderevoli ta' kappelli funebri u l-bosta kappelli ta' ġo fih inbnew b'diversi stili arkitettoniċi.

Il-katidral huwa attrazzjoni turistika ewlenija u kull sena jattira iżjed minn 165,000 viżitatur. Mill-1995 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-arkitettura unika tiegħu.[1] Il-katidral għadu jintuża bħala knisja u matul is-sena jospita wkoll għadd ta' kunċerti.

Knejjes preċedenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-katidral mill-Bispegården (Dar l-Isqof).

Roskilde saret il-belt kapitali l-ġdida tad-Danimarka bis-saħħa tar-Re Harald Bluetooth għall-ħabta tad-960. Preċedentement, ir-re kien irresjeda f'Jelling, fejn bena knisja u l-Ħaġar ta' Jelling, iżda wara li wassal għall-unifikazzjoni tad-Daniżi u tan-Norveġiżi, kienet meħtieġa mossa biex il-monarka seta' jibqa' qrib iċ-ċentru tal-poter fir-renju l-ġdid. Skont sorsi bil-miktub, meta ttrasferixxa ruħu lejn Roskilde, Bluetooth bena residenza rjali u maġenbha knisja żgħira tal-injam, iddedikata lit-Trinità Mqaddsa. Ma tantx nafu wisq dwar il-Knisja tat-Trinità; wisq iktar nafu dwar l-arkitettura tagħha. Iżda minkejja l-istorja qasira tagħha huwa magħruf li seħħew żewġ avvenimenti hemmhekk. Fil-Gesta Hammaburgensis ecclesiae pontificum ta' Adam ta' Bremen, hemm rendikont ta' kif iben ir-re, Sweyn Forkbeard, qajjem ribelljoni kontrih, u ġiegħel lil missieru jaħrab lejn Jomsborg. Meta Bluetooth miet fid-985/986, l-armata li kienet daret kontrih ġabet il-katavru tiegħu lura lejn Roskilde u difnitu fil-knisja li huwa kien bena.[2] Fil-Milied tal-1026, il-Konti Ulf inqatel minn wieħed li kien midħla sew ta' Cnut il-Kbir. Minkejja xi differenzi bejn id-diversi sorsi, dan seħħ fil-knisja (Chronicon Roskildense) jew fir-residenza rjali (Gesta Danorum ta' Saxo Grammaticus). Ulf kien iżżewweġ lil oħt Cnut il-Kbir, Estrid, li nkorlat għall-qtil ta' żewġha u talbet li tingħata kumpens b'weregild.[3]

Hemm xi dubji dwar meta Roskilde saret is-sede tal-Isqof ta' Roskilde. Meta Sweyn Forkbeard ħakem l-Ingilterra fl-1013, huwa beda jibgħat isqfijiet Ingliżi lejn id-Danimarka, proċess li tkompla mis-suċċessur tiegħu Cnut il-Kbir. Dan ikkawża ftit kunflitt mal-Arċisqof ta' Amburgu, li kien iqis li l-Iskandinavja kienet parti mill-Arċidjoċesi ta' Bremen. L-iżjed isqof bikri magħruf ta' Roskilde kien Gerbrand, li kien fil-kleru ma' Cnut il-Kbir, u li ġie interċettat mill-irġiel tal-Arċisqof ta' Amburgu-Bremen meta baħħar lejn id-Danimarka fl-1022. Tħalla jkompli l-vjaġġ tiegħu wara li ħalef li jkun leali għall-arċisqof. L-arċisqof x'aktarx li kellu kull raġun li jissuspetta fih, peress li d-dokumenti ta' dak iż-żmien jissuġġerixxu li Cnut il-Kbir jaf kien ippjana li joħloq arċidjoċesi f'Roskilde, b'Gerbrand bħala l-arċisqof.[4]

Il-Kappella ta' Kristjanu IX (lemin) u l-Kappella ta' Federiku IX (xellug).

Bil-finanzjament mogħti lil Estrid Svendsdatter bħala kumpens, il-Knisa l-antika tat-Trinità twaqqgħet u minflokha nbdiet il-kostruzzjoni ta' katidral sempliċi tal-ġebel għall-ħabta tal-1026. Dan jaf ifforma l-bażi tal-katidral li nbena wara, iżda diffiċli li wieħed isostni dan b'ċertezza, peress li sussegwentement inbnew żewġ katidrali fl-istess sit. Madankollu, minn skavi arkeoloġiċi li saru fl-1968 ħareġ li l-bażijiet taż-żewġ binjiet kellhom l-istess għoli, xi ħaġa li ma kinitx tagħmel sens li kieku żewġ binjiet separati kienu nbnew fi żmien 50 sena.[5]

Madankollu, nafu fiċ-ċert li nbena katidral tal-ġebel f'dan is-sit. Il-kostruzzjoni kienet inbdiet mill-Isqof Wilhelm bejn l-1060 u l-1073, u tlestiet mis-suċċessur tiegħu Svend Nordmand għall-ħabta tal-1080. Il-katidral il-ġdid inbena bil-ġebla tat-travertin, ġebla li hemm abbundanza tagħha fl-inħawi ta' Roskilde. Il-katidral inbena bħala bażilika bi stil Rumanesk, bi ħnejjiet fuq ġewwa nofshom għat-tond biex jirfdu s-saqaf ċatt fuq ġewwa, u b'żewġ torrijiet fuq kull naħa tad-daħla tal-faċċata tal-Punent. Lejn it-Tramuntana, inbena monasteru tal-ġebel bi tliet naħat għall-patrijiet u għal oħrajn li kienu assoċjati mal-katidral. Is-suċċessur ta' Svend Nordmand, Arnold, żied ħajt madwar il-binja, li serva bħala garanzija ta' sikurezza għal kull min kien ifittex il-kenn hemmhekk. Madankollu, Arnold kien ikkunsidrat ukoll bħala l-isqof li tilef l-Arċidjoċesi tal-Iskandinavja favur il-Katidral ta' Lund, minħabba n-nuqqas ta' qilla u ta' motivazzjoni tiegħu.[6]

Meta tlesta l-katidral il-ġdid, kien hemm ix-xewqa li tinkiseb relikwa għalih. Żewġ kanoniċi (membri tal-kleru tal-katidral) intbagħtu minn Ruma biex isibu relikwa xierqa. Skont leġġenda jingħad li huma u jistrieħu wara l-wasla tagħhom, San Lucius, li kien Papa mill-253 sal-255, deherilhom u qalilhom li kien intgħażel biex ikun il-qaddis patrun ta' Roskilde sal-aħħar taż-żminijiet. L-għada, iż-żewġ kanoniċi ttieħdu lejn Santa Cecilia in Trastevere biex jagħżlu fost il-bosta relikwi li kien hemm. Huma raw kranju jleqq li kien dak ta' San Lucius. Meta rritornaw, huma u jbaħħru, il-bastiment tagħhom spiċċa attakkat minn dimonju b'saħħtu li kien jgħix moħbi fl-ilmijiet Daniżi. L-ekwipaġġ għażel bix-xorti min kien se jiġi ssagrifikat, u b'hekk intgħażel il-kanonku li kien qed iġorr il-kranju ta' San Lucius. Huwa offra talba lill-qaddis, ħasel il-kranju tliet darbiet, tefa l-ilma fl-oċean, u qabeż fil-baħar. Kulħadd baqa' mistagħġeb li l-kanonku rnexxielu jimxi fuq l-ilma. Id-dimonju għeb qalb it-twerżiq fil-fond tal-oċean u qatt ma deher iktar.[7]

Is-sena eżatta meta r-relikwa waslet f'Roskilde mhix magħrufa; id-data biss hija magħrufa, il-25 ta' Awwissu, peress li f'dakinhar dejjem kienet tiġi ċċelebrata l-wasla tar-relikwa. L-ewwel tismija bil-miktub tar-relikwa tmur lura għal żmien Ælnoth, patri f'Odense, li ddeskriviha f'xogħol dwar il-ħajja ta' Canute l-Qaddis fl-1122. Oġġett ieħor ta' dak iż-żmien, siġill imnaqqax minn nejba ta' walrus, li turi lil San Lucius bejn iż-żewġ torrijiet tal-katidral, imur lura għall-bidu tas-seklu 12. Dan x'aktarx li kien inxtara sabiex jgħin biex tintrebaħ l-arċidjoċesi ta' Roskilde, li ngħatat lil Lund fl-1103/1104.[8]

Katidral attwali

[immodifika | immodifika s-sors]
L-artal.

Ġie aċċettat li ftit wara li sar l-Isqof ta' Roskilde fl-1157, Absalon beda jkabbar il-katidral tat-travertin.[9] Fl-1160, is-sengħa tal-produzzjoni tal-brikks waslet fid-Danimarka mill-Italja permezz tal-patrijiet, u b'hekk beda jintuża dan il-materjal ġdid. Ir-riċerkaturi ddeċidew li jibnu katidral madwar dak eżistenti, biex b'hekk is-servizzi setgħu jibqgħu jsiru matul il-kostruzzjoni. Ilu jingħad li l-Isqof Absalon kien beda l-kostruzzjoni, u meta Absalon ġie mġiegħel iċedi l-kariga tiegħu bħala Isqof ta' Roskilde fl-1191, kienu tlestew biss iż-żewġ sulari tal-apsida, it-torrijiet tal-kor u parti mit-transett.[10] Is-suċċessur ta' Absalon, Peder Sunesen, li kellu għall-qalbu l-istil Gotiku Franċiż ġdid, iktar 'il quddiem wettaq bidliet sinifikanti fil-pjanta tal-katidral, u neħħa t-torrijiet tal-kor u ċekken il-wisa' tat-transett.[11] Iżda riċerka ġdida tindika li Peder Sunesen kien dak li beda l-kostruzzjoni iktar milli dak li beda r-rikostruzzjoni. Il-katidral inbena fil-perjodu ta' tranżizzjoni bejn ir-Rumanesk u l-Gotiku, u fih jidhru elementi miż-żewġ stili.

Il-kor tlesta u ġie inawgurat fl-1225, u b'hekk is-servizzi setgħu jiġu ċċelebrati hemmhekk, filwaqt li l-katidral l-antik tat-travertin twaqqa'. Ix-xogħol fuq in-navata kompla għaddej għal 55 sena oħra, fid-dawl tal-fondi limitati, nuqqas ta' fran għall-produzzjoni tal-brikks, u x-xtiewi qalila.[12] Bl-eċċezzjoni taż-żewġ torrijiet fil-faċċata tal-Punent, il-katidral tlesta sal-1280, u x-xogħol fuq ġewwa baqa' għaddej, għalkemm ġie mdewwem kemxejn minħabba nirien fl-1282 li qerdu wkoll diversi djar tal-kanoniċi fl-inħawi. Bosta kappelli ġew miżjuda mal-katidral, u fl-1405 tlesta x-xogħol fuq iż-żewġ torrijiet.

Is-sarkofagu tar-Reġina Skandinava Margrethe I.

Meta mietet Margrethe I fl-1412, indifnet fil-kappella tal-familja tagħha f'Sorø Klosterkirke. Iżda s-sena ta' wara, l-Isqof Peder Jensen Lodehat, li kien il-kanċillier u l-konsulent reliġjuż tar-reġina, ordna li l-katavru tagħha jindifen fil-Katidral ta' Roskilde. Il-patrijiet f'Sorø rrabjaw ferm, l-iktar minħabba li t-telfa tal-fdalijiet terrestri tar-reġina kienet se tfisser telf sinifikanti ta' introjtu mill-offerti — dak iż-żmien il-patrijiet u l-membri tal-kleru kienu jitħallsu biex jiċċelebraw quddiesa għal persuna mejta, u għal reġina dawn il-quddisiet kienu jiġu mitluba fuq bażi regolari u b'mod perpetwu; b'hekk kienu jqallgħu ħafna flus — kif ukoll telf ta' prestiġju. Minkejja li spiss il-ħtija tingħata lill-isqof, jista' jkun ukoll li dan it-trasferiment ġie orkestrat mill-iben adottiv tar-reġina, Eric ta' Pomerania. Din it-teorija hija rinfurzata permezz tal-kitba mnaqqxa fuq is-sarkofagu, li tiddeskrivi din l-għażla li saret mir-re l-ġdid, Eric VII, fl-1423.

Fil-Chronica novella tiegħu, il-kronista Ġermaniż Hermann Korner jiddeskrivi ċ-ċerimonja funebri enormi li damet tlett ijiem u li kienet tinvolvi lir-Re Eric VII, diversi nobbli, l-Arċisqof ta' Lund, u l-isqfijiet Daniżi kollha. Hemm ġrajja dwar kif il-purċissjoni tat doni sostanzjali lil kull wieħed mill-50 artal fil-katidral. Fl-ewwel jum, il-koppja rjali kienet tagħti ornament tad-deheb, antipendlu tad-deheb u kalċi tal-fidda lil kull artal; kull wieħed min-nobbli kien jagħti fjorin għal kull artal; u l-kavallieri, l-assistenti tagħhom, u kull min kien jixtieq jagħti xi doni kien jagħti muniti tal-fidda minn Lübeck. Fit-tieni u fit-tielet jum, il-koppja rjali kienet talloka żewġ nobbli għal kull artal, in-nobbli kienu jagħtu fjorin għal kull artal, u l-kumplament tal-purċissjoni kienet tagħti muniti tal-fidda. Dawn il-muniti tal-fidda mbagħad kienu jitpoġġew fi skutella u kienu jinqasmu fost il-foqra f'Roskilde.

Fl-14 ta' Mejju 1443, Roskilde nħakmet min-nirien li qerdu l-biċċa l-kbira tal-belt u d-djar kollha tal-kleru għajr tlett idjar biss. In-nirien tant kienu qawwijin li l-ħġieġ tat-twieqi xxaqqaq, u ċ-ċomb tas-saqaf dab. Il-katidral ġarrab ħsarat estensivi u kien biss fl-1463 li l-Isqof Oluf Mortensen seta' jerġa' jiddedikah. Sabiex jgħinu bir-rikostruzzjoni tal-katidral, kull wieħed mill-isqfijiet tad-Danimarka ffirma ittra biex jingħataw 40 jum ta' indulġenzi li kull min kien jagħmel tajjeb għall-kostijiet.[13] Ir-rikostruzzjoni setgħet ingħatat palata wkoll mid-deċiżjoni ta' Kristjanu I li tinbena kappella fil-katidral. Il-Kappella tal-Maġi nbniet matul is-snin 60 tas-seklu 15, u flimkien mas-sarkofagu ta' Margrethe I u l-fdalijiet mill-knejjes preċedenti, tħaddan fiha l-iżjed difniet irjali bikrin.

Ir-Riformazzjoni waslet fl-1536, u mmarkat żvolta negattiva ħafna għall-Katidral ta' Roskilde. Mhux talli l-Isqof ta' Roskilde, Joachim Rønnow, inżamm bħala priġunier fil-Kastell ta' Copenhagen, talli d-djoċesi ġiet ittrasferita lejn Copenhagen u Peder Palladius sar is-Sovraintendent il-ġdid ta' Zealand u iktar 'il quddiem isqof. Hans Tausen, li kien ħadem qatigħ biex iħeġġeġ l-adozzjoni mifruxa tar-Riformazzjoni, intbagħat lejn Roskilde fl-1538 sabiex jagħti daqqa t'id biex jikkonverti lill-membri tal-kleru li kienu kontra dawn l-ideat ġodda. F'laqgħa tar-Riformazzjoni li saret fl-1540, ġie deċiż li l-proprjetà kollha tal-isqof kienet se tingħadda lir-re, kemm simbolikament kif ukoll fir-realtà bħala l-Kap tal-Knisja tad-Danimarka. Il-katidral kien diġà ġie mġiegħel iċedi parti mill-proprjetà tiegħu matul it-Taqbida tal-Konti, iżda wara li ttieħdet din id-deċiżjoni u fid-dawl ta' gwerra imminenti kontra l-Iżvediżi, il-konfiska tal-proprjetà tal-knisja żdiedet. Fost il-pussessi l-iktar preġjati tal-katidral kien hemm statwa tal-injam ta' San Lucius, miksija bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż. Il-kleru ssielet ferm biex jipprova jibqa' jżomm il-proprjetà tal-katidral, u saħansitra darba minnhom talba għal rendikont ta' wħud mill-oġġetti li ġew ikkonfiskati. Madankollu, ir-re wieġeb li r-re ma għandux għalfejn jagħti rendikont għal xi ħaġa li diġà hija proprjetà tiegħu.[14]

In-navata tal-katidral.

Wara r-Riformazzjoni, il-katidral infetaħ għall-kongregazzjoni ordinarja, u b'hekk kien hemm bżonn li tinxtara għamara ġdida, speċjalment bankijiet tal-knisja. Bħalma ġara f'eks katidrali Kattoliċi oħra, il-kor, li kien ġie sseparat min-navata permezz ta' ħajt kbir, tħalla intatt bl-artal iserraħ mal-ħajt.

Filwaqt li l-katidral għadda minn diffikultà finanzjarja, minħabba li tilef il-proprjetà kollha tiegħu (li dak iż-żmien kienet tinkludi kwart tal-azjendi agrikoli f'Zealand u 30 proprjetà immobbli kbar), irċieva varjetà ta' doni minn Kristjanu IV: l-artal maġġuri (bejn l-1555 u l-1623), senduq irjali għall-ħabta tal-1600, il-pulptu fl-1610, il-kappella funebri tiegħu stess fl-1614, il-kostruzzjoni taż-żewġ spiri ikoniċi fl-1633 u finalment portal tad-daħla Rinaxximentali grandjuż tal-ġebel tar-ramel fl-1635.[15]

Fis-26 ta' Frar 1658, it-Trattat ta' Roskilde ġie ffirmat fil-katidral. Fis-serqa li wettqu l-Iżvediżi fi ħdan il-katidral, huma ħadu l-libsa tad-deheb ta' Margrethe I, li kienet imdendla qrib is-sarkofagu tagħha. Il-libsa ttieħdet mir-reġina konsorti Żvediża Hedwig Eleonora u issa tinsab fil-Katidral ta' Uppsala. Fl-1690, Kristjanu V ordna t-tneħħija tal-kor Kattoliku antik, sabiex seta' joħloq kripta taħtu għat-tfal li kellu barra ż-żwieġ mill-maħbuba tiegħu Sophie Amalie. B'hekk l-artal seta' jitressaq fejn jinsab attwalment.

Fl-1774, beda x-xogħol fuq it-tielet kappella funebri rjali, il-Kappella ta' Federiku V, bit-tneħħija tal-Kappella tal-Madonna li kien hemm qabel. Il-flus malajr spiċċaw, u x-xogħol tlesta biss fl-1825. Sadanittant, fl-1806, il-katidral bigħ l-inventarju tiegħu miż-żminijiet Kattoliċi f'irkant rinomat. Fost l-oġġetti li nbigħu kien hemm kurċifiss grandjuż li ntrebaħ minn ħaddiem tas-sengħa lokali li kien jaħdem ir-ram. Hu u jisserra l-kurċifiss għall-ħatab, ras Ġesù nqasmet u minn ġo fiha waqa' salib patriarkali żgħir tad-deheb. Wara ħarsa iktar mill-qrib, ġie żvelat li s-salib ma kienx mastizz u li ġo fih kien hemm moħbija skalda mis-salib ta' Kristu. L-għajdut dwar din is-sejba malajr wasal għand il-Kollezzjoni Rjali tal-Arti, li iktar 'il quddiem saret il-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka, li xtratu minnufih.[16]

Fl-1871, il-portal tad-daħla ġie sostitwit b'wieħed li jaqbel mal-istil kumplessiv tal-katidral, filwaqt li l-portal l-antik ingħata b'donazzjoni lill-Knisja ta' Holmen. Madankollu, meta wasal il-portal il-ġdid, il-purtinar tal-knisja baqa' mwaħħax meta nduna li kien kopja batuta tal-portal l-antik. Minkejja dan, ma kellu l-ebda triq oħra għajr li jibnih.

Ix-xogħol fuq ir-raba' kappella funebri rjali nbeda fl-1915, u qabel it-tlestija tagħha fl-1924, Roskilde reġgħet saret djoċesi. Fis-27 ta' Awwissu 1968, meta kien kważi tlesta x-xogħol ta' restawr fuq l-ispira ta' Margrethe, l-ispira ħadet in-nar, u heddet li tiġġarraf għalkollox fil-kor. Matul ix-xogħlijiet tat-tifi tan-nar, membri tad-difiża ċivili u membri tal-persunal tal-knisja għattew is-sedji tal-kanoniċi, l-artal u s-sarkofagi fil-kor ta' wara b'kutri niedja kontra n-nirien, bit-tama li ma ssirx ħsara lill-oġġetti ta' valur bla qies. Il-Ministru għad-Difiża tad-Danimarka ordna projbizzjoni totali fuq l-operazzjonijiet tal-ġettijiet fiż-żona, sakemm isiru investigazzjonijiet li setgħu jikkonfermaw jekk il-volti kinux f'periklu li jikkollassaw.[17] Iktar 'il quddiem ġie skopert li minkejja li kien hemm projbizzjoni totali fuq kwalunkwe sors ta' sħana fiż-żona fejn kien qed isir ir-restawr, l-artiġjani kienu qed ipejpu u jużaw tagħmir tat-tqabbid tan-nar fuq ġewwa.[18] L-aħħar binja li żdiedet mal-katidral saret fl-1985, meta ġie inawgurat is-Sit Funebri l-Ġdid, magħruf ukoll bħala l-Post tad-Dfin ta' Federiku IX.

Fl-2018, il-post tad-dfin futur u l-monument għar-reġina attwali tad-Danimarka Margrethe II tlestew fil-Kappella ta' Santa Briġitta. Id-disinn tħejja mill-iskultur Daniż Bjørn Nørgaard. Hemm mudell għall-wiri fil-katidral flimkien ma' wirja dwar it-tradizzjoni tad-difniet irjali.[19]

Kappella tal-Maġi (Kappella ta' Kristjanu I)

[immodifika | immodifika s-sors]
Christian I and Dorothea's coats of arms
Affreski tal-istemmi rjali ta' Kristjanu I u ta' Dorothea ta' Brandenburg fil-Kappella tal-Maġi.

Meta r-Re Kristofru III miet mingħajr ma kellu tfal fl-1448, l-armla tiegħu Dorothea ta' Brandenburg reġgħet iżżewġet lir-re l-ġdid, Kristjanu I. Wara ftit snin, huwa sar ir-Re tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Iżvezja, u Dorothea welldet lir-Re futur Ġwanni, u b'hekk ġiet stabbilita d-Dinastija ta' Oldenburg. F'dan l-isfond ta' avvenimenti, Kristjanu I iddeċieda li jibni kappella grandjuża fil-katidral.[20] L-istrument tal-istabbiliment ġie ffirmat fit-28 ta' April 1459, li mhux biss ordna l-kostruzzjoni tal-kappella iżda ta wkoll irqajja' kbar ta' art lill-knisja.[21] Fir-rebbiegħa tal-1462, ir-re appella lill-Papa Piju II għall-indulġenza talli bena l-kappella, u finalment din ingħatat wara li żar lill-Papa Sestu IV f'Ruma fl-1474.[22]

Mibnija bi stil Gotiku bħall-kumplament tal-katidral, il-kappella tikkonsisti minn żewġ sulari; is-sular t'isfel maħsub bħala kappella funebri għal Kristjanu I u s-sular ta' fuq maħsub bħala Sala Kbira għall-membri tal-Fratellanza l-ġdida ta' Omm Alla, il-prekursur tal-Ordni attwali tal-Iljunfant. Iż-żewġ sulari jserrħu fuq pilastru ċentrali tal-granit, l-hekk imsejjaħ Pilastru tar-Re, fejn diversi rejiet kejlu t-tul tagħhom matul is-snin.[23] Fost dawn ir-rejiet kien hemm Pietru l-Kbir, li t-tul tiegħu tkejjel fl-1716, li kien l-itwal, filwaqt li Chulalongkorn tas-Siam, li t-tul tiegħu tkejjel fl-1907, kien l-iqsar. Huwa maħsub li l-marka tat-tul ta' Kristjanu I kienet żball tekniku, peress li r-re x'aktarx tassew kien twil, iżda mhux il-ġgant li jissuġġerixxi l-markatur.

Id-difniet ta' Kristjanu I u tar-Reġina Dorothea ġew immarkati b'par ġebliet sempliċi, peress li l-kappella stess kellha titqies bħala l-monument sepulkrali tagħhom, filwaqt li l-monumenti sepulkrali ta' Kristjanu III u ta' Federiku II jiddominaw is-sular t'isfel. Il-monument tal-alabastru Rouge Belge u Noir Belge ta' Kristjanu III inħoloq fl-1574-1575 mill-iskultur Cornelis Floris minn Anversa. Meta l-iskultur miet f'Ottubru 1575, il-monument kien kważi tlesta għalkollox; kien fadallu biss l-armi u l-kitbiet imnaqqxa, li mbagħad kellhom jiżdiedu minn Jan Baptist Guidetty. Fil-fatt, qatt ma ġew miżjuda, u meta l-Ispanjoli serqu minn Anversa f'Novembru 1576, il-monument inżamm sal-ħlas ta' rahan mill-armla ta' Cornelis Floris. Imbagħad, l-armla bagħtet tinforma lill-qorti Daniża, sabiex il-monument jittieħed u tingħata l-ħlas tagħha, xi ħaġa li saret biss fl-1578. Meta l-monument wasal f'Elsinore, żewġ bennejja lokali lestew ix-xogħol fuqu, u finalment fis-sajf tal-1580 tpoġġa fil-kappella.

Monument sepolkrali ta' Federiku II magħmul minn Gert van Egen fil-Kappella tal-Maġi.

Il-monument ta' Federiku II, maħdum bl-istess materjali, inbena fl-1594-1598 mill-iskultur Fjamming Gert van Egen, li kien student ta' Cornelis Floris u kien resident ta' Elsinore. Madankollu, iż-żewġ monumenti huma vojta, peress li l-oqbra ndifnu taħt l-art tal-kappella.[24] Ir-Re Ġwanni suppost kellu jindifen ukoll fil-kappella, iżda lejn l-aħħar ta' ħajtu, hu u martu tant kienu għal qalbhom jgħixu fil-Kastell ta' Næsbyhoved qrib Odense, li r-re esprima l-preferenza tiegħu li jindifen fil-katidral Franġiskan tar-raħal. Madankollu, l-isqof u l-kanoniċi f'Roskilde sostnew li r-Re kien iddetermina li kellu jindifen f'Roskilde. L-armla tar-re, Kristina tas-Sassonja, bagħtet ittra lil Papa Ljun X biex titolbu l-assistenza, u fit-tweġiba tiegħu, il-Papa stqarr li wieħed għandu dejjem jirrispetta l-aħħar xewqa tad-deċedut, u b'hekk ir-re ndifen f'Odense.[25]

Il-volti u l-ħitan tal-kappella huma mżejna b'affreski rikki li jmorru lura għas-snin 60 tas-seklu 15, meta l-kappella nħolqot minn Kristjanu I u minn martu. Wara li ġew imbajda għalkollox, l-affreski ġew skoperti mill-ġdid fl-1826. Dirgħajn ir-re u r-reġina jżejnu l-ħajt tal-Lvant tal-kappella.[26]

Attwalment is-sular ta' fuq jintuża bħala mużew, fejn jintwerew diversi artefatti bħall-ħġieġ ikkulurit antik tat-twieqi u tiġi spjegata l-istorja kollha tal-katidral.

Kappella ta' Kristjanu IV

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-faċċata tal-Kappella ta' Kristjanu IV.

Il-kostruzzjoni tal-kappella ġiet ordnata minn Kristjanu IV innifsu fl-1613, wara l-mewt tar-Reġina Anna Katerina s-sena ta' qabel, u wara li rrealizza li l-ispazju fuq ġewwa tal-katidral kien qed jonqos ġmielu. Il-kappella nbniet bi Stil Rinaxximentali Olandiż u x-xogħol fuq il-faċċata tal-kappella nbeda fl-1614 minn Lorenz van Steenwinckel u tlesta fl-1641 minn ħuh, Hans van Steenwinckel iż-Żgħir.[27] Il-faċċata nbniet bil-brikks ħomor b'saqaf forfċi mtarraġ u tħares lejn it-Tramuntana. Fuq kull waħda mit-tarġiet tas-saqaf forfċi, tpoġġiet figura tal-ġebel tar-ramel, li tirrappreżenta kull waħda mill-virtujiet Kristjani. Maġenb it-twieqi tas-saqaf forfċi, hemm erba' pitti, u kull wieħed għandu simbolu tal-mewt: kranju, minġell, torċa tħares 'l isfel u klessidra. Fiċ-ċentru tas-saqaf forfċi, hemm is-siġill tar-re.[28]

Il-lavur tal-ħadid ferrobattut li jissepara l-kappella min-navata nħadem minn Caspar Fincke fl-1619, u fih kitba tal-ħallieq tiegħu:

Caspar Fincke bin ich benant
Dieser arbeit bin ich bekant

(Traduzzjoni mhux uffiċjali: Jisimni Caspar Fincke I u jien magħruf għal dan ix-xogħol).

Il-Kappella ta' Kristjanu IV minn ġewwa.

Mal-mewt ta' Kristjanu IV fl-1648, il-kappella minn ġewwa kienet għadha ma tlestietx, u l-qabar tar-re minflok tqiegħed fil-kripta ta' taħt. Ir-re kien ikkummissjona l-monument għalih innifsu, fejn hu u r-reġina tiegħu jidhru għarkopptejhom quddiem kurċifiss, iżda peress li kien tlesta qabel mewtu, il-monument kien inħażen temporanjament fl-arsenal tar-re. Meta l-arsenal ħa n-nar fl-1647, kulma kien fadal mill-monument kien il-kurċifiss grandjuż tal-ġebel tar-ramel u ras skolpita mill-alabastru. Sussegwentement il-kurċifiss tpoġġa fil-Knisja ta' Holmen, filwaqt li r-ras ingħatat lill-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka.[29] Is-suċċessuri tar-re ma rnexxilhomx jipprovdu post tad-dfin xieraq għar-re, u x-xogħol inbeda finalment fl-1840 taħt Kristjanu VIII. Huwa kien ittama li jara l-proġett jitlesta sal-1848, il-200 anniversarju tal-mewt ta' Kristjanu IV, iżda x-xogħol tlesta fl-1870.[30]

Monument sepulkrali ta' Kristjanu III magħmul minn Cornelis Floris.

Ix-xogħol fuq ġewwa nbeda fl-1840 meta Kristjanu VIII ordna statwa ta' Kristjanu IV mill-iskultur rinomat Bertel Thorvaldsen. Din kellha tkun parti mill-monument ippjanat għal Kristjanu IV, li kellu jiġi ddisinjat mill-arkitett G.F. Hetcsh, iżda kien għadu jrid jiġi deċiż min kien se jieħu ħsieb il-ħolqien tat-tiżjin. Fl-1845 kummissjoni inkarigat lil Heinrich Eddelien, iżda x-xogħol mexa bil-mod, x'aktarx minħabba li Kristjanu VIII kien għassa ta' dan il-proġett u kkritika x-xogħlijiet proposti. Meta Kristjanu VIII miet fl-1848, il-proġett tilef l-ikbar forza motivazzjonali tiegħu, u r-re l-ġdid, Federiku VII, ma kienx wisq interessat li l-proġett jitlesta. Meta Eddelien miet fl-1852, kien tlesta biss ix-xogħol fuq is-saqaf bil-volta miksija bil-kwiekeb u l-motivi allegoriċi, u l-kumplament tax-xogħol waqaf ħesrem.[31]

Fl-1856, Georg Hilker żied freġju taħt il-volta tas-saqaf, li kellu jservi biex jissepara t-tiżjin tas-saqaf u tal-ħitan. Meta Wilhelm Marstrand u Heinrich Hansen inħatru finalment fl-1860, il-Ministru għall-Finanzi C.E. Fenger kien responsabbli. Il-kummissjoni oriġinali rrabjat ferm li l-Ministru kien opera wara daharhom, iżda ż-żminijiet kienu nbidlu minn meta l-kummissjoni kienet issawret, u bil-Partit Liberali Nazzjonali kien fil-poter, kien hemm iktar attenzjoni lejn l-attitudni nazzjonali. Il-Ministru Liberali Nazzjonali ħass li t-tlestija tal-Kappella ta' Kristjanu IV, li huwa kien iqis bħala monument nazzjonali, kienet se ssaħħaħ is-sentiment nazzjonali fil-kunflitt li kien qed jiżviluppa mal-Prussja.[32]

Marstrand u Hansen ressqu l-proposti tat-tiżjin tagħhom fl-1861, wara li ddeċidew li Marstrand kellu jieħu ħsieb il-pitturi, filwaqt li Hansen kellu jieħu ħsieb il-gwarniċi. Dik is-sena t-tnejn ivvjaġġaw lejn Franza biex jistudjaw it-tpittir biż-żejt fuq il-ġibs. Imbagħad, Marstrand qatta' s-sjuf tal-1864-1866 f'Roskilde, u pitter ħajt wieħed kull sena. Meta Marstrand lesta x-xogħol tiegħu, il-ħames oqbra fil-kappella tpoġġew fil-pożizzjoni attwali tagħhom.[32]

Kappella ta' Federiku V

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kappella ta' Federiku V minn ġewwa.

Il-kappella tikkonsisti fil-fatt minn żewġ kappelli bi stil Neoklassiku. Il-kostruzzjoni damet 51 sena (1774-1825) u kienet teħtieġ it-tneħħija ta' kappella li kienet teżisti qabilha, il-Kappella tal-Madonna.

Il-kostruzzjoni tal-kappella nbdiet minn C. F. Harsdorff fl-1774, x'aktarx permezz ta' skizzi bikrin li kien wettaq matul il-vjaġġi tiegħu f'Ruma fl-1762-1764, iżda minħabba nuqqas ta' finanzjament ix-xogħol ġie sospiż fl-1779. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tkompla mill-apprendist tiegħu C. F. Hansen fl-1820 u tlesta fl-1825. Il-kappella tikkonsisti minn vestibolu b'żewġ kmamar biswit xulxin fuq in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, waħda li normalment issir referenza għaliha bħala l-Kappella ta' Kristjanu VI, u oħra b'kamra b'għamla ta' salib u msaqqfa b'koppla, magħrufa proprju bħala l-Kappella ta' Federiku V. Fuq ġewwa, il-binja għandha ħitan klassiċi miżbugħa bl-abjad, filwaqt li minn barra għandha l-brikks ħomor karatteristiċi bħall-bqija tal-katidral.

Meta l-kappella ġiet inawgurata f'Settembru 1825, it-twiebet li temporanjament kienu maħżuna fil-Kappella ta' Kristjanu IV tressqu fil-kappella l-ġdida, u magħhom żdiedu oħrajn tal-membri tal-familja rjali li mietu sadanittant. Dan wassal biex il-kappella, li kienet iddisinjata għal ħames sarkofagi tal-irħam, fl-1912 kellha iktar minn 17-il tebut b'kollox. Madankollu, iż-żieda tal-Kappella ta' Kristjanu IX, it-tneħħija ta' wħud mit-twiebet u t-tqiegħed tagħhom fil-kripti, u l-arranġament mill-ġdid tat-twiebet, wasslu għas-sitwazzjoni attwali fejn hemm 12-il tebut jew sarkofagu preżenti.[33] Minkejja dan, inħolqot konfużjoni sħiħa, peress li wħud mit-twiebet ma ġewx irranġati f'pari li jikkorrispondu mar-relazzjonijiet li kienu jeżistu matul ħajjithom.[34]

Il-kappella turi xejra gradwali ta' tranżizzjoni minn sarkofagi grandjużi tal-irħam għal sarkofagi iktar sempliċi miksija bil-bellus, u fil-każ ta' Federiku VII, saħansitra tebut tal-injam.

Kappella ta' Kristjanu IX

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta l-Kostituzzjoni tad-Danimarka ġiet reveduta fl-1915, il-Folketing iddeċieda jagħti ġieħ lill-familja rjali, billi qata' x-xewqa tar-Re Kristjanu X, u bena kappella ġdida fil-katidral, iddedikata lill-familja ta' Glücksburg li kellha t-tron f'idejha minn meta Kristjanu IX sar re fl-1863. Il-kappella ġiet iddisinjata mill-arkitett tal-katidral ta' dak iż-żmien, Andreas Clemmensen.[35]

Il-kostruzzjoni tal-kappella, issorveljata mill-arkitett Schledermann, bdiet fl-1919 u tlestiet fl-1924. Il-kappella nbniet bi stil Neo-Biżantin, ta' ispirazzjoni Rumana. Il-kappella nbniet bħala estensjoni tal-binja tal-armi tal-Majjistral, li mbagħad ma baqgħetx teżisti iktar bħala binja indipendenti. L-għamla tal-kappella hi ta' salib b'ħitan griżi u saqaf b'koppla. Malli tlestiet, il-kappella qanqlet dibattitu jaħraq fil-gazzetti Daniżi, u wħud bdew jemmnu li l-kappella kienet differenti għalkollox mill-istil prevalenti tal-katidral.

Fin-naħa tat-Tramuntana hemm is-sarkofagu doppju ta' Kristjanu IX u tar-Reġina Luiża. Iddisinjat minn Hack Kampmann, is-sarkofagu oriġinarjament kien fin-naħa tal-Lvant tal-Kappella ta' Federiku V. Madwar is-sarkofagu hemm tliet statwi ta' figuri femminili, iddisinjati minn Edvard Eriksen. L-istatwi jissejħu "Niket", "Memorja", u "Mħabba" u ġew skolpiti mill-irħam abjad minn Carrara fl-Italja. L-istatwa tan-"Niket" tixbaħ ħafna lill-istatwa tas-Sirenetta ż-Żgħira li hemm f'Copenhagen, li mhix kumbinazzjoni. Edvard Eriksen kien ħoloq l-istatwa tas-Sirenetta ż-Żgħira fl-1911, sentejn qabel ħoloq l-istatwi fil-kappella, u l-mara tiegħu Eline Eriksen kienet il-mudella għat-tnejn li huma. Fin-naħa tal-Punent hemm is-sarkofagu doppju ta' Federiku VIII u tar-Reġina Luiża tiegħu, iddisinjat minn Utzon-Frank. Fin-naħa tal-Lvant hemm it-twiebet sempliċi tal-irħam ta' Kristjanu X u tar-Reġina Alessandrina tiegħu. It-twiebet ġew iddisinjati minn Kaare u Naur Klint, ġew magħmula mill-irħam Norveġiż, u għandhom Dannebrog stilizzat fuq l-għatu u fuq in-naħat tiegħu.

Wara l-mewt ta' Maria Feodorovna fl-1928, u wara ċerimonja qasira fil-Knisja ta' Alexander Nevsky f'Copenhagen u ċerimonja Ortodossa Russa f'Roskilde, it-tebut tal-imperatriċi armla tqiegħed fil-kappella qrib il-qabar tal-ġenituri tagħha u ta' ħuħa u ta' oħtha tar-rispett. Fl-1957, it-tebut tqiegħed fil-kripta ta' taħt il-kappella sa Settembru 2006, meta mbagħad ġie rritornat lir-Russja. Kienet ix-xewqa tal-imperatriċi armla li tindifen jekk jista' jkun maġenb ir-raġel tagħha Alessandru III fil-Katidral ta' San Pietru u ta' San Pawl. Din ix-xewqa twettqet wara negozjati estensivi bejn ir-Reġina Margrethe II u l-President Putin.

Wara l-mewt ta' Federiku IX fl-1972, it-tebut tiegħu tqiegħed fil-kappella, miksi bl-istemma rjali tiegħu, mgħasses bit-tliet iljuni tal-fidda mis-simbolu tal-Kuruna Daniża. Maġenb it-tebut tiegħu tpoġġew par kandilabri bl-għamla ta' ankri. Wara li t-tebut tar-re ndifen fl-1985, fil-kappella għad fadal biss il-kandelabri.

Kappella ta' San Indrija u Kappella ta' Santa Briġitta

[immodifika | immodifika s-sors]
L-artal tal-Kappella ta' San Indrija.

Dan iż-żewġ kappelli, fuq in-naħa tat-Tramuntana, huma l-unika fdalijiet tal-bosta kappelli Medjevali li kienu mehmuża mal-katidral oriġinali. Il-Kappella ta' San Indrija nbniet fl-1396 u l-Kappella ta' Santa Briġitta nbniet fl-1485.

Il-Kappella ta' San Indrija ġiet imżejna mill-ġdid fl-2010 mill-artist Peter Brandes, li pprovda artal ġdid kif ukoll lavur tal-ħadid ferrobattut li kien jissepara l-kappella min-navata. Il-kunsill tal-knisja parrokkjali beħsiebu li l-kappella fil-futur tipprovdi ambjent iktar intimu għal uħud mill-funzjonijiet tal-knisja fil-katidral, fosthom iż-żwieġ jew il-magħmudija. Il-kappella għandha l-orgni żgħir tagħha għal dawn is-servizzi.

Mir-Riformazzjoni, il-Kappela ta' Santa Briġitta ntużat l-iktar biex jinħażnu fiha diversi oġġetti tal-inventarju tal-knisja miż-żminijiet Kattoliċi, u li ma kinux meħtieġa iktar fl-era Luterana. Dawn jinkludu s-sedja taċ-ċelebrant, is-sedja tal-kor tal-knisja, u l-kaxxa tal-ittri tal-kanoniċi. Barra minn hekk, il-kappella għandha l-eqdem lapida fil-katidral, li tmur lura għall-ħabta tal-1250. Ir-Reġina Margrethe II għażlet il-Kappella ta' Santa Briġitta bħala l-post tad-dfin tagħha fil-futur, b'sarkofagu maħluq mill-artist Bjørn Nørgaard. Is-sarkofagu tlesta u ġie installat, iżda huwa mgħotti sa meta tmut ir-reġina.[36]

Post tad-dfin ta' Federiku IX

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-post tad-dfin ta' Federiku IX.

Dan il-post infetaħ fit-23 ta' Settembru 1985[37] u huwa l-ewwel post tad-dfin li jinsab barra mill-katidral innifsu. Inbena għal żewġ raġunijiet: kienet ix-xewqa ta' Federiku IX li jindifen barra mill-katidral, b'veduta tal-Fjord ta' Roskilde (ir-re kien iħobb ibaħħar u kien marbut mill-qrib mal-flotta navali), u apparti minn hekk ma kienx għad fadal spazju fil-Kappella ta' Kristjanu IX. F'Jannar 1972, mal-mewt tar-re, faqqa' d-dibattitu dwar kif setgħet titwettaq ix-xewqa tiegħu. Saret laqgħa f'Mejju tal-istess sena, li involviet il-muniċipalità, il-kunsill tal-knisja parrokkjali, il-Mużew Nazzjonali tad-Danimarka, u fondazzjoni għall-kultura tal-bini u tal-ħolqien tal-pajsaġġi.[38] Fl-1974 ġie ppreżentat dokument ta' diskussjoni, li kien jispjega kif l-inħawi kellhom jiġu ppreservati u kif kien se jiġi stabbilit il-post tad-dfin il-ġdid.[39] Kien hemm ftit oppożizzjoni mill-membri tal-kunsill parrokkjali, li insistew li t-tradizzjoni tad-dfin tal-monarki fil-katidral kellha tinżamm. Il-pjan tal-istabbiliment ta' żoni għall-inħawi tlesta fl-1982 u b'hekk ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-post tad-dfin seta' jinbeda.[40]

Il-post tad-dfin ġie ddisinjat mill-arkitett Vilhelm Wohlert b'kooperazzjoni ma' Inger u Johannes Exner, u jikkonsisti minn ottagonu tal-brikks sempliċi u mhux imsaqqaf, b'xatba tal-bronż iddisinjata minn Sven Havsteen-Mikkelsen. Il-lapida nqatgħet mill-granit ta' Greenland mill-iskultur Erik Heide, għalkemm il-qabar ma ġiex issiġillat b'mod permanenti sad-dfin tar-Reġina Ingrid fis-sena 2000.[41] Skont ix-xewqa tar-Reġina Ingrid, il-post tad-dfin ġie miksi minn vinji selvaġġi u minn pjanti minn madwar ir-renju.

Difniet irjali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Margrethe I (mietet fl-1412): eżatt wara l-artal maġġuri

Pilastri maġenb l-apsida

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Harald Bluetooth (miet fl-985-986): x'aktarx li ndifen fil-pilastru tal-Majjistral, iżda ma nstabu l-ebda qabar jew fdalijiet
  • Sweyn II Estridsen (miet fl-1076): indifen fil-pilastru tax-Xlokk

Estrid Svendsdatter (li mietet bejn l-1057 u l-1073) kien jingħad b'mod mifrux li ndifnet fil-pilastru tal-Grigal, iżda permezz ta' test tad-DNA li sar fl-2003 ħareġ ċar li dan ma kienx minnu u li l-fdalijiet fil-post kienu ta' mara li mietet żgħira wisq biex tkun tassew Estrid Svendsdatter. Skont teorija ġdida, huwa maħsub li s-sinjal fuq il-pilastru jirreferi għal Margareta Hasbjörnsdatter, li kienet magħrufa wkoll bħala Estrid u li żżewġet lil Harald III Hen, iben Sweyn Estridsen. Fil-pilastru tal-Lbiċ hemm il-fdalijiet ta' żewġ isqfijiet, Asser u William.

Sarkofagu ta' Kristjanu V (1646-1699).
  • Kristofru III tal-Bavarja (miet fl-1448)
  • Kristjanu V (miet fl-1699) u r-Reġina Charlotte ta' Hesse-Kassel (mietet fl-1714)
  • Federiku IV (miet fl-1730) u r-Reġina Luiża ta' Mecklenburg-Güstrow (mietet fl-1721)

Kappella tal-Maġi (Kappella ta' Kristjanu)

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kristjanu I (miet fl-1481) u r-Reġina Dorothy ta' Brandenburg (mietet fl-1495)
  • Kristjanu III (miet fl-1559) u r-Reġina Dorothy ta' Sachsen-Lauenburg (mietet fl-1571)
  • Federiku II (miet fl-1588) u r-Reġina Sofija ta' Mecklenburg-Schwerin (mietet fl-1631)

Kappella ta' Federiku V

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kristjanu VI (miet fl-1746) u r-Reġina Sofija Magdalena ta' Brandenburg-Kulmbach (mietet fl-1770)
  • Frederick V (miet fl-1766) u l-Irġejjen Luiża tal-Gran Brittanja (mietet fl-1751) u Juliana Maria ta' Brunswick-Wolfenbüttel (mietet fl-1796)
  • Kristjanu VII (miet fl-1808)
  • Federiku VI (miet fl-1839) u r-Reġina Marie ta' Hesse-Kassel (mietet fl-1852)
  • Kristjanu VIII (miet fl-1848) u r-Reġina Caroline Amalie ta' Schleswig-Holstein (mietet fl-1881)
  • Federiku VII (miet fl-1863)
Lapida ta' Federiku IX u tar-Reġina Ingrid.

Kappella ta' Kristjanu IV

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kristjanu, il-Prinċep ErediPrince Elect (d. 1647)
  • Christian IV (d. 1648) and Queen Anne Catherine of Brandenburg (d. 1612)
  • Frederick III (d. 1670) and Queen Sophie Amalie of Brunswick-Calenberg (d. 1685)

Kappella ta' Kristjanu IX

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kristjanu IX (1906) u r-Reġina Luiża ta' Hesse-Kassel (1898)
  • Federiku VIII (1912) u r-Reġina Luiża tal-Iżvezja u tan-Norveġja (1926)
  • Kristjanu X (1947) u r-Reġina Alessandrina ta' Mecklenburg-Schwerin (1952)

Qabar ta' Federiku IX

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Federiku IX (miet fl-1972) u r-Reġina Ingrid tal-Iżvezja (mietet fis-sena 2000)

Qabar ta' Maria Feodorovna

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Maria Feodorovna (mietet fl-1928), prinċipessa Daniża u Imperatriċi tar-Russja li kienet miżżewġa lill-Ksar Alessandru III indifnet hawnhekk minn mewtha fl-1928 sad-dfin tagħha fir-Russja permezz ta' għadd ta' ċerimonji, bejn it-23 u t-28 ta' Settembru 2006. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-fdalijiet tagħha jinsabu maġenb dawk tar-raġel tagħha.[42]
Il-Kor tas-Subien.

Kor tas-subien

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-1987, il-katidral ilu jospita wieħed mill-korijiet ewlenin tas-subien fid-Danimarka, il-Kor tas-Subien tal-Katidral ta' Roskilde. Il-kor huwa riżorsa ewlenija fix-xogħol taż-żgħażagħ tal-parroċċa. Il-koristi kollha jmorru l-iskola normali iżda jiltaqgħu darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa biex jipprattikaw. Kull sentejn, il-kor isiefer barra mill-pajjiż lejn destinazzjonijiet differenti, fosthom New Zealand, l-Iskandinavja, l-Ingilterra, Greenland, Franza u l-Kanada.

Fl-1554 nbena orgni ġdid minn Herman Raphaelis (magħruf ukoll bħala Hermann Rodensteen). Dan ingħata b'donazzjoni lill-katidral għas-servizzi tiegħu. Ġie mmodernizzat u mkabbar fl-1611, fl-1654, fis-snin 90 tas-seklu 17, fl-1833, fl-1926 u fis-snin 50 tas-seklu 20. Matul is-snin 80 tas-seklu 20, spikkaw problemi tekniċi u ta' intonazzjoni. Wara investigazzjoni bir-reqqa — u minħabba l-preżenza fl-istrument ta' kwantità konsiderevoli ta' pajpijiet tas-sekli 16 u 17— ittieħdet id-deċiżjoni li jinħoloq mill-ġdid orgni Daniż klassiku tas-seklu 17. Dan ix-xogħol twettaq minn Marcussen & Søn u tlesta fl-1991.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Roskilde ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Roskilde Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-07.
  2. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 10.
  3. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 13.
  4. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 12.
  5. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 15.
  6. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 16-18.
  7. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 19-21.
  8. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 21.
  9. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 30.
  10. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. pp. 30-31.
  11. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 28.
  12. ^ Højlund, Ole (2010). Under stilladser og presenninger: Roskilde Domkirke 2005-2010. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-16-2. p. 50.
  13. ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 82.
  14. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. p. 110.
  15. ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 124.
  16. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 38-39.
  17. ^ "E-Pages". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
  18. ^ "E-Pages. p. 2". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
  19. ^ "Margrethe 2.s gravmæle". roskildedomkirke.dk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-07. Miġbur 2023-02-07.
  20. ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 13.
  21. ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 17.
  22. ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. p. 42.
  23. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 34.
  24. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. pp. 47-48.
  25. ^ Arhnung, J. O. (1965). De hellige tre Kongers Kapel ved Roskilde Domkirke: 1459-1536. G. E. C. Gad. pp. 228-229.
  26. ^ "Roskilde cathedral". www.astoft2.co.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-07. Miġbur 2023-02-07.
  27. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 36.
  28. ^ Højlund, Ole (2010). Under stilladser og presenninger: Roskilde Domkirke 2005-2010. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-16-2. p. 90.
  29. ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 128.
  30. ^ Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 23.
  31. ^ Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 24.
  32. ^ a b Cederstrøm, Elisabeth (1988). Kong Christian stod ved højen Mast in Danmarks Christian: Chr. IV i eftertiden. Aarhus Kunstmuseums forlag. ISBN 978-87-88575-36-1. p. 28.
  33. ^ Horskjær, Erik (1970). De Danske kirker. Bind 3. Nordsjælland. Gads Forlag. p. 49.
  34. ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. pp. 49-50.
  35. ^ Fang, Arthur (1960). Roskilde Domkirke gennem 1000 aar. Flensborgs boghandel. p. 145.
  36. ^ Kruse, Anette (2003). Roskilde Domkirke. Roskilde Domkirkes Salgsfond. ISBN 978-87-90043-10-0. pp. 17, 210.
  37. ^ "Nyt kongeligt gravsted (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
  38. ^ "Bisættes i Roskilde Domkirke (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
  39. ^ "Voksende modstand mod det nye gravkammer (bid-Daniż)". www.e-pages.dk. Miġbur 2023-02-07.
  40. ^ Fang, Lotte (2001). By og bibliotek. Roskilde Library. p. 47.
  41. ^ "Roskilde Domkirkes historie - Roskilde Domkirke". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2023-02-07.
  42. ^ "Kejserinde Dagmars genbegravelse". www.kongper.dk. Miġbur 2023-02-06.
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy