Logħob Olimpiku
Il-Logħob Olimpiku jew Olimpjadi fil-qasir (bil-Franċiż: Jeux olympiques) huwa avveniment sportiv b'kompetizzjonijiet sportivi tas-sajf u x-xitwa li fih jipparteċipaw eluf ta' atleti minn madwar id-dinja. Il-Logħob Olimpiku huwa kkunsidrat bħala l-iktar kompetizzjoni sportiva prominenti fid-dinja b'iktar minn 200 pajjiżi parteċipanti. Dawn il-Logħob isiru kull erba' snin, bil-Logħob tas-sajf u l-Logħob tax-xitwa jaletrnaw bejniethom kull sentejn.
Il-ħolqien ta' dan l-avveniment ġie ispirat mil-Logħob Olimpiku Antik, li kienu jsiru fil-belt ta' Olimpja, fil-Greċja, bejn it-8 seklu q.K. u r-4 seklu q.K. Il-Baruni Pierre de Coubertin ifforma l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) fl-1894, u l-ewwel Logħob moderni saru f'Ateni fl-1896. Il-KOI jiggverna u jmexxi l-moviment Olimpiku, bil-Karta Olimpika tiddeskrivi l-istruttura u l-awtorità.
L-evoluzzjoni tal-Moviment Olimpiku matul is-sekli 20 u 21 irriżulta f'numru ta' bidliet fil-Logħob Olimpiku. Fost dawn kien hemm il-ħolqien tal-Logħob Olimpiku tax-xitwa għal sports fuq is-silġ u dak xitwi, il-Logħob Paralimpiku għal atleti b'diżabilità, u l-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ għal atleti żgħażagħ. Il-Logħob Olimpiku tat-Truxa (Deaflympics) u l-Olimpjadi Speċjali huma wkoll approvati mill-KOI.
Il-Moviment Olimpiku jikkonsisti minn federazzjonijiet sportivi internazzjonali (FI), Kumitati Olimpiċi Nazzjonali (KON) u kumitati organizzattivi għal Logħob Olimpiku speċifiku. Bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni, il-KOI huwa responsabbli li jagħżel il-belt ospitanti għal kull Logħob, u jorganizza u jagħti l-fondi skont il-Karta Olimpika. Il-KOI jiddetermina wkoll il-programm Olimpiku, bil-lista ta' sports li se jintlagħabu fil-Logħob. Hemm diversi riti u simboli Olimpiċi, fosthom il-bandiera u t-torċ Olimpiku, kif ukoll iċ-ċerimonji tal-ftuħ u l-għeluq. 'Il fuq minn 13-il elf atleta jikkompetu fil-Logħob Olimpiku tas-sajf u x-xitwa f'33 dixxiplina sportiva u f'madwar 400 avveniment. Dawk li jikklassifikaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post jingħtaw midalja Olimpika tad-deheb, fidda u bronż, rispettivament.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Olimpjadi Antiki
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Logħob Olimpiku Antik.
Il-Logħob Olimpiku Antik kien festival reliġjuż u atletiku li kien isir kull erba' snin fis-santwarju ta' Żews f'Olimpja, il-Greċja. Il-kompetizzjoni kienet issir bejn rappreżentati ta' diversi bliet-stati u renji fil-Greċja Antika. Dawn il-Logħob kienu jinkludu prinċiparjament atleti, imma wkoll sports kumbattiv fosthom il-lotta u l-pankrazju, u tlielaq taż-żwiemel u l-karri. Huwa mifhum li l-Olimpjadi Antiki bdew fis-sena 776 q.K. Dan hu skont skrizzjonijiet f'Olimpja li telenka r-rebbieħa tal-ġiri li saru kull erba' snin mis-776 q.K.[1] Id-dixxiplini sportivi f'dawn il-Logħob kienu jinvolvu l-ġiri, pentatlon (tikkonsisti minn ġiri, tfigħ tad-diska u tal-javelin, boksink, lotta, pankrazju u avvenimenti ekwestri.[2] It-tradizzjoni tgħid li Koroibos, kok mill-belt ta' Elis, kien l-ewwel rebbieħ Olimpiku.
L-Olimpjadi kienu ta' importanza reliġjuża fundamentali, b'avvenimenti sportivi li kienu jsiru flimkien ma' riti ta' sagrifiċċju għal Żews u Pelops, eroj divin u re mitiku ta' Olimpja. Il-Logħob kien isir kull erba' snin, u dan il-perjodu kien użat mill-Griegi bħala wieħed mill-unitajiet ta' kejl tal-ħin. Il-Logħob laħaq il-quċċata fis-sekli 6 u 5 q.K., però gradwalment beda jonqos fl-importanza hekk kif ir-Rumani ħadu l-poter fil-Greċja. Hu mifhum li s-sena 393 w.K. kienet l-aħħar darba li fiha saru l-Logħob, meta l-Imperatur Teodosju ddekreta t-tneħħija ta' kull kult u prattika pagana.
Logħob Modern
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem "Olimpjadi" biex jiddeskrivi avvenimenti atletiċi bdew jidhru sa mis-seklu 17. L-ewwel avveniment ta' dan it-tip kien il-Logħob ta' Cotswold fl-Ingilterra. Dan kien organizzat mill-avukat Rober Dover bejn l-1612 u l-1642. L'Olympiade de la République kien festival Olimpiku nazzjonali li kien isir kull sena bejn l-1796 u l-1798 fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, u kien jinkludi diversi dixxiplin sportivi mill-Olimpjadi Griegi antiki.[3] Fl-1821, fi żmien il-Gwerra Griega tal-Indipendenza mill-Imperu Ottoman, reġa' qawwa l-interess fil-Logħob Olimpiku. Evangelos Zappas, filantropu Grieg-Rumen sinjur, kiteb personalment lir-Re Oton tal-Greċja fl-1856 sabiex jiffinanzja l-Logħob Olimpiku. Zappas sponsorizza l-Logħob fl-1859 li saru fil-pjazza tal-belt ta' Ateni. Atleti mill-Greċja u l-Imperu Ottoman ipparteċipaw.[4] Zappas ħallas ukoll għar-restawr tal-Istadju Panatinajku sabiex fih isiru l-Logħob Olimpiku tal-futur.[4] Dan l-impjant ospita fih l-Olimpjadi fl-1870 u l-1875.[5] Tletin elf spettatur attendew il-Logħob fl-1870, għalkemm m'hemm l-ebda statistika uffiċjali ta' attendenza disponibbli għal-Logħob tal-1875.[6]
Fl-1890, wara li attenda l-Logħob Olimpiku tal-Wenlock Olympian Society, il-Baruni Pierre de Coubertin ġie ispirat sabiex joħloq il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Coubertin bena fuq l-ideat u x-xogħol tal-predeċessuri tiegħu bl-għan li jistabbilixxi l-Logħob Olimpiku fuq skala internazjonali li jsir kull erba' snin. Hu ppreżenta dawn l-ideat matul l-ewwel Kungress Olimpiku tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali l-ġdid. Din il-laqgħa, li saret bejn is-16 u t-23 ta' Ġunju 1894 fl-Università ta' Pariġi, ġie deċiż li l-ewwel Logħob Olimpiku li kienu se jsiru taħt l-awspiċji tal-KOI kienu se jsiru f'Ateni fl-1896. Il-KOI eleġġa lill-kittieb Grieg Demetrius Vikelas bħala l-ewwel president tagħha.[7]
Għall-ewwel Olimpjadi ħadu sehem 14-il pajjiż, b'241 atleta jikkompetu fi 43 avveniment. L-uffiċjali Griegi u l-pubbliku kienu entużjasti bl-esperjenza u s-suċċess li l-Logħob ġab, u saħansitra talbu sabiex l-Greċja ssir s-sede permanenti tal-Logħob Olimpiku. Madanakollu, din ir-rikjesta ġiet irrifjutata mill-KOI li fil-pjanijiet tagħha kien hemm li tmexxi l-organizzazzjoni ta' dawn il-Logħob minn belt għal oħra f'pajjiż differenti.
Simboli Olimpiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Moviment Olimpiku juża simboli li jirrapreżentaw l-ideali tal-Karta Olimpika. Is-simbolu Olimpiku, magħruf aħjar bħala ċ-ċrieki Olimpiċi, jikkonsisti minn ħafna ċrieki minsuġa ma' xulxin li jfissru l-għaqda tal-ħames kontinenti fid-dinja (l-Afrika, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja u l-Ewropa). Il-verżjoni kulurita taċ-ċrieki (blu, isfar, aħdar u aħmar) fuq sfond abjad jifforma l-bandiera Olimpika. Dawn il-kuluri ġew magħżula minħabba li kull pajjiż kellu wieħed minn dawn il-kuluri fil-bandiera tiegħu. Il-bandiera ġiet adottata fl-1914 però ġiet imtajjra biss fl-Olimpjadi tas-sajf tal-1920 f'Antwerp, il-Belġju.[8]
Il-mottu Olimpiku, Citius, Altius, Fortius, hi espressjoni bil-Latin li tfisser "Eħfef, Ogħla, Aqwa" u ġie propost minn Pierre de Coubertin fl-1894 u ilu uffiċjalment użat mill-1924. Dan ġie maħluq mill-qassis Dumnikan Henri Didon OP, ħabib ta' Coubertin, għal-laqgħa taż-żgħażagħ fl-1891.[9]
Xhur qabel il-bidu tal-Logħob, il-fjamma Olimpika tinxtegħel f'Olimpja f'ċerimonja li tirrifletti r-ritwali antiki Griegi. Din tinxtegħel permezz tar-raġġi tax-xemx u wara jibda l-vjaġġ li jieħu din il-fjamma lejn il-belt ospitanti.[10] Għalkemm il-fjamma kienet simbolu Olimpiku mill-1928, il-ġiri bit-torċa ġie introdott fil-Logħob tas-sajf tal-1936.[8]
Ċerimonja tal-ftuħ
[immodifika | immodifika s-sors]Diversi elementi jiffurmaw iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku. Din iċ-ċerimonja, li ssir qabel il-bidu tal-avveniment, ġeneralment tibda bit-tlugħ tal-bandiera tal-pajjiż ospitanti u jindaqq l-innu nazzjonali.[11] Il-pajjiż osipitanti wara jippreżenta esebizzjoni artistika ta' mużika, kant, żfin u rappreżentazzjoni teatrali tal-kultura tiegħu. Il-preżentazzjonijiet artistiċi bdew jikbru maż-żmien kemm fl-iskala u anke fil-kumplessità hekk kif kull belt tipprova tagħti ċerimonja li tiżboq fuq dik preċedenti. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob ta' Bejġing swew madwar $100 miljun, b'ħafna mis-somma tkun iddedikata għall-element artistiku.[12]
Wara l-parti artistika taċ-ċerimonja, l-atleti jidħlu f'parata fl-istadju skont pajjiżhom. Il-Greċja tradizzjonalment tidħol l-ewwel ad unur l-oriġini tal-Olimpjadi. Sussegwentament, il-pajjiżi jidħlu b'mod alfabetiku skont il-lingwa magħżula mill-pajjiż ospitanti, bl-atleti tal-pajjiż ospitanti jidħlu l-aħħar. Wara li jsiru xi diskorsi li uffiċjalment jiftħu l-Logħob, it-torċa Olimpika tidħol fl-istadju u tingħadda lill-aħħar persuna, li tipikament tkun atleta Olimpika ta' suċċess għall-pajjiż organizzattiv, li tixgħel il-fjamma fil-bajla.
Ċerimonja tal-għeluq
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Logħob Olimpiku ssir wara l-avvenimenti sportivi kollha jkunu saru. Il-ġarrejja tal-bnadar minn kull pajjiż parteċipanti jidħlu fl-istadju, u warajhom jidħlu l-atleti kollha mingħajr distinzjoni ta' nazzjonalità.[13] Tliet bnadar nazzjonali jiġu mtellgħin filwaqt li jindaqq l-innu nazzjonali tagħhom: il-bandiera tal-pajjiż ospitanti, il-bandiera tal-Greċja sabiex tonora l-post fejn twieldu l-Olimpjadi, u l-bandiera tal-pajjiż li se jospita l-edizzjoni ta' wara tal-Logħob tas-sajf jew tax-xitwa. Il-president tal-kumitat organizzattiv u l-president tal-KOI jagħmlu diskorsi tal-għeluq. Il-fjamma Olimpika tintefa' li tissimbolizza l-għeluq tal-Logħob. Is-sindu tal-belt li tkun għadha kif organizzat il-Logħob jgħaddi bandiera Olimpika speċjali lill-president tal-KOI, li jgħaddiha lis-sindku tal-belt li tkun se tospita l-edizzjoni sussegwenti tal-Logħob Olimpiku. Il-pajjiż li se jospita l-Olimpjadi f'erba' snin jingħata ħin sabiex jesebixxi f'serata ta' żfin u rappreżentazzjoni teatralii tal-kultura tiegħu.
Kontroversji
[immodifika | immodifika s-sors]Bojkotts
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Greċja, l-Awstralja, Franza u r-Renju Unit huma l-uniċi pajjiżi li ħadu sehem f'kull edizzjoni tal-Logħob Olimpiku mill-bidu tagħhom fl-1896. Filwaqt li pajjiżi xi drabi naqsu li jipparteċipaw minħabba nuqqas ta' atleti, oħrajn ibbojkottjaw iċ-ċelebrazzjoni tal-Logħob għal raġunijiet differenti.
Għall-edizzjoni ta' Melbourne 1956, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u l-Iżvizzera rrifjutaw li jieħdu sehem minħabba l-oppressjoni tar-Rivoluzzjoni Ungeriża mill-Unjoni Sovjetika, għalkemm bagħtu delegazzjoni ekwestri fi Stokkolma; il-Kambodja, l-Eġittu, l-Iraq u l-Libanu bbojkottjaw il-Logħob minħabba li l-Kriżi ta' Suez; u ċ-Ċina (ir-"Repubblika Popolari taċ-Ċinja) rrifjutat li tieħu sehem minħabba li Tajwan ġew permessi li jieħdu sehem fil-Logħob bħala r-"Repubblika taċ-Ċina".
Fl-1972 u l-1976, numru kbir ta' pajjiżi Afrikani heddew lill-KOI b'bojkott sabiex jisfurzaw sabiex jipprojbixxu lill-Afrika t'Isfel u lir-Rodeżja minħabba r-reġimi ta' segregazzjoni. New Zealand kienet ukoll fil-mira tal-bojkott Afrikan minħabba lit-tim nazzjonali tar-rugby kien dar f'tour lill-Afrika t'Isfel. Il-KOI qabel mal-ewwel żewġ każijiet, però New Zealand tħallew jipparteċipaw abbażi li r-rugby ma kienx sport Olimpiku.[14] B'riżultat t'hekk, flimkien mal-għoxrin pajjiż Afrikan ingħaqdu wkoll l-Gujana u l-Iraq u rtiraw mill-Logħob ta' Montreal, minkejja li uħud mill-atleti tagħhom kienu diġà kkompetew.
Fl-1980 u l-1984, l-avversarji tal-Gwerra l-Bierda ma ħadux sehem fil-Logħob ta' xulin. L-Istati Uniti u 65 pajjiżi ieħor ibbojkottjaw l-Logħob ta' Moska fl-1980 minħabba l-invażjoni Sovjetika fl-Afganistan. Dan il-bojkott naqqas in-numru ta' parteċipanti għal 80, l-inqas numru mill-1956.[15] L-Unjoni Sovjetika u 15-il pajjiż ieħor irritaljaw u ma ħadux sehem fl-Olimpjadi ta' Los Angeles tal-1984, fejn stqarrew li ma setgħux jiggarantixxu s-sigurtà tal-atleti tagħhom. 104 Kumitat Olimpiku Nazzjonali ħa sehem, li kien rekord sa dak iż-żmien. Il-fatt li r-Rumanija, pajjiż li kien jagħmel parti mit-Trattat ta' Varsavja, ħa sehem minkejja t-talbiet Sovjetiċi wasslu għal laqgħa entużjażmanti fl-Istati Uniti.
Edizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Young, David C. (1996). Johns Hopkins University Press (ed.). The Modern Olympics: A Struggle for Revival (bl-Ingliż). Baltimore. ISBN 978-0-8018-7207-5.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Encyclopædia Britannica (ed.). "Olympic Games" (bl-Ingliż).
- ^ Proġett Perseus tal-Università Tufts (ed.). "Ancient Olympic Events" (bl-Ingliż).
- ^ "Histoire et évolution des Jeux olympiques" (bil-Franċiż). Potentiel. 2005. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-04-26.
- ^ a b Young, pġ. 14.
- ^ Young, pġ. 2, 13-23, 81.
- ^ Young, pġ. 44.
- ^ Young, pġ. 100-105
- ^ a b "The Olympic Symbols" (PDF) (bl-Ingliż). Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-04-26.
- ^ "Sport athlétique", 14 mars 1891: "... dans une éloquente allocution il a souhaité que ce drapeau les conduise 'souvent à la victoire, à la lutte toujours'. Il a dit qu'il leur donnait pour devise ces trois mots qui sont le fondement et la raison d'être des sports athlétiques: citius, altius, fortius, 'plus vite, plus haut, plus fort'.", meħuda minn Simone Hoffmane, La carrière du père Didon, Dominicain. 1840–1900, Teżi tad-Dottorat, Université de Paris IV – Sorbonne, 1985, pġ. 926; cf. Michaela Lochmann, Les fondements pédagogiques de la devise olympique "citius, altius, fortius"
- ^ "Il-Fjammi tal-Olimpjadi". Kullħadd. 2016-07-03. Miġbur 2018-01-20.
- ^ Kumitat Olimpiku Internazzjonali (ed.). "Fact sheet: Opening Ceremony of the Summer Olympic Games" (PDF) (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-04-29.
- ^ "Beijing Dazzles: Chinese History, on Parade as Olympics Begin" (bl-Ingliż). Canadian Broadcasting Centre. 2008-08-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-09-06.
- ^ "Closing Ceremony Factsheet" (PDF) (bl-Ingliż). Kumitat Olimpiku Internazzjonali. 2012-06-05. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-09-26. Miġbur 2018-01-20.
- ^ "African nations boycott costly Montreal Games" (bl-Ingliż). CBC Sports. 2008-07-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-15.
- ^ Kumitat Olimpiku Internazzjonali (ed.). "Moscow 1980" (bl-Ingliż).
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Logħob Olimpiku |