Aqbeż għall-kontentut

Plamer

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Plamer huwa ħaddiem tas-sengħa li jispeċjalizza fl-installazzjoni u fil-manutenzjoni ta’ sistemi li jintużaw għall-ilma tajjeb għax-xorb u ta’ sistemi tad-dranaġġ u tad-drenaġġ tal-ilma mormi.[1][2]

It-terminu “plamer” imur lura għal żmien l-Imperu Ruman.[3] Is-soqfa Rumani kien ikollhom iċ-ċomb fil-katusi u fil-pajpijiet tal-ilma u tad-drenaġġ[4] u wħud kienu jkunu saħansitra miksijin biċ-ċomb; iċ-ċomb kien jintuża wkoll għall-pajpijiet inġenerali u għall-kostruzzjoni tal-banjijiet.[5] Il-kelma bil-Latin għal ċomb hija plumbum.

Poster Amerikan dwar l-importanza ta’ xogħol il-plamers

Fil-Medju Evu, kwalunkwe individwu li kien jaħdem biċ-ċomb kien jissejjaħ plamer. Dan huwa ddokumentat f’estratt dwar il-ħaddiema tal-imgħoddi li sewwew is-saqaf tal-Palazz ta’ Westminster; dawn kienu msejħa plamers: "Lil Gilbert de Westminster, plamer, li ħadem fuq is-saqaf tad-dispensa tas-sala ż-żgħira, u ksieh biċ-ċomb, u li sewwa diversi difetti fis-saqaf tas-sala ż-żgħira".[6] B’hekk persuna li kellha l-esperjenza fix-xogħol biċ-ċomb l-ewwel kienet magħrufa bħala Plumbarius li mbagħad ġiet imqassra u saret plamer.

Sabiex wieħed isir plamer tas-sengħa huma meħtieġa snin ta’ taħriġ u/jew esperjenza; xi ġurisdizzjonijiet jeħtieġu wkoll li l-plamers ikollhom liċenzja. Fost il-kompiti u l-ħiliet komuni ta’ plamer insibu:

  • il-qari ta’ tpinġijiet u ta’ speċifikazzjonijiet, sabiex tiġi ddeterminata l-konfigurazzjoni tal-provvista tal-ilma, tad-dranaġġ u tad-drenaġġ tal-ilma mormi, u tas-sistemi tal-ventilazzjoni.
  • l-individwar ta’ difetti jew ħsarat fl-apparati u fis-sistemi tad-dranaġġ, u d-dijanjożi korretta tal-kawżi tagħhom.
  • l-installazzjoni, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-apparati u tas-sistemi domestiċi, kummerċjali u industrijali tad-dranaġġ u tad-drenaġġ tal-ilma mormi.
  • is-sejba u l-immarkar ta’ pożizzjonijiet adattati għall-konnessjonijiet tal-pajpijiet u għall-komunikazzjonijiet tagħhom minn ġol-ħitan u minn mal-art.
  • il-kejl, it-tqattigħ, il-liwi u t-tqabbid tal-pajpijiet bl-idejn u bl-użu ta’ għodod jew makkinarju elettroniku.
  • l-issaldjar tal-pajpijiet u tal-katusi permezz tal-kompressjoni, tal-kamini jew ta’ tekniki tat-twaħħil flimkien.
  • l-ittestjar tal-pajpijiet biex jiġi vverifikat humiex qed iqattru, bl-użu ta’ gejġ tal-pressa tal-arja u tal-ilma.
  • il-konformità, fix-xogħol kollu li jsir, mar-regolamenti legali u mar-rekwiżiti tas-sikurezza.
  • l-iżgurar li l-istandards tas-sikurezza u r-regolamenti kollha tal-bini qed jiġu rrispettati.

Kull stat u lokalità jista’ jkollhom l-iskemi tal-liċenzjar u tat-taxxi għall-plamers. Xi stati jagħtu l-liċenzji għall-plamers bażiċi u professjonisti separatament, filwaqt li oħrajn joħorġu liċenzji għall-plamers professjonisti biss. Saniex jingħataw il-liċenzja, il-plamers iridu jissodisfaw l-istandards għat-taħriġ u għall-esperjenza, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jgħaddu minn eżami taċ-ċertifikazzjoni. Ma hemm l-ebda liġi federali li tistabbilixxi l-liċenzji għall-plamers fl-Istati Uniti.[7]

Fil-Kanada, ir-rekwiżiti tal-liċenzjar ivarjaw minn provinċja għall-oħra; madankollu, il-provinċji ġabru flimkien ir-riżorsi tagħhom biex jiżviluppaw Programm ta’ Gwida Interprovinċjali li żviluppa u issa jipprovdi standards tat-taħriġ fl-apprendistati fil-provinċji kollha. Il-Programm tas-Siġill l-Aħmar, magħruf formalment bħala l-Programm tas-Siġill l-Aħmar għall-Istandards Interprovinċjali, huwa programm li jistabbilixxi standards komuni biex jiġu vvalutati l-ħiliet tal-ħaddiema tas-sengħa fil-Kanada kollha. Is-Siġill l-Aħmar, meta jitqiegħed fuq ċertifikat tas-sengħa provinċjali jew territorjali, jindika li l-ħaddiem tas-sengħa wera li għandu l-għarfien meħtieġ skont l-istandard nazzjonali f’dik is-sengħa.[8]

Plamer ħiereġ minn ġo tappiera

Il-Kwalifiki Vokazzjonali Nazzjonali (bl-Ingliż: National Vocational Qualifications (NVQ)) baqgħu l-forma prinċipali ta’ kwalifiki għall-plamers sakemm ħadilhom posthom il-Qafas tal-Kwalifiki u l-Krediti (bl-Ingliż: Qualification and Credit Framework (QCF))[9] tal-2008, u mill-ġdid fl-2015, l-oqfsa tal-kwalifiki nazzjonali fir-Renju Unit. L-akronimi NVQ u SVQ (Scottish Vocational Qualification; jiġifieri Kwalifika Vokazzjonali Skoċċiża) għandhom jintużaw b’mod frekwenti.[10]

Il-plamers fir-Renju Unit huma meħtieġa jgħaddi r-rekwiżiti vokazzjonali tal-Livelli 2 u 3 tal-Istitut tal-Belt u tax-Xirkiet ta’ Londra. Hemm diversi korpi regolatorji fir-Renju Unit li jipprovdu kwalifiki akkreditati għall-plamers, fosthom l-Istitut tal-Belt u tax-Xirkiet ta’ Londra u Pearson PLC.[11]

Fl-Irlanda, apprendistat ta’ erba’ snin u eżami ta’ kwalifika huma meħtieġa biex plamer ikun jista’ jwettaq ix-xogħol tiegħu bħala professjonista. L-akkreditazzjoni tan-negozji hija ta’ għajnuna kbira sabiex il-plamers ikunu jistgħu juru l-affidabbiltà u l-esperjenza tagħhom fil-qasam.

Hemm bosta tipi ta’ perikli li plamer jista’ jħabbat wiċċu magħhom. Dawn jinkludu strapazz, feriti u ġrieħi, tbenġil u daqqiet, fratturi, ħruq u selħiet, dħul ta’ trab, likwidu, ħmieġ jew affarijiet żgħar fl-għajnejn, u ernji. Ix-xogħol fil-għoli jew fi spazji magħluqa żgħar, kif ukoll l-esponiment potenzjali għall-asbestos u għaċ-ċomb, huma kollha perikli relatati max-xogħol tal-plamers.[12]

Plamer residenzjali

Riskji ta’ mard infettiv

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-plamers jissograw li jlaqqtu xi infezzjonijiet meta jaħdmu f’ambjenti bil-ħmieġ tal-bniedem huma u jaħdmu fit-tiswija tas-sistemi tad-dranaġġ. Il-mikrobi fil-ħmieġ jew fir-rimettar tal-bniedem jistgħu jibqgħu fit-tul mat-tojlits jew mal-katusi u mal-pajpijiet tad-dranaġġ. Il-ħmieġ tal-bniedem jaf iwassal għal mard infettiv bħall-kolera, it-tifojde, l-epatite, il-poljo, il-kriptosporidjożi, l-askarjażi, u l-iskistosomjażi.[13]

It-termini "White House Plumbers" (litteralment “Plamers tal-White House”) kien isem popolari li kien jingħata lill-Unità tal-Investigazzjonijiet Speċjali tal-White House stabbilita fl-24 ta’ Lulju 1971 matul il-presidenza ta’ Richard Nixon. Ix-xogħol tagħhom kien jinvolvi l-installazzjoni ta’ mikrofoni tal-ispjunaġġ (bl-Ingliż: “leaks”) tal-Gvern tal-Istati Uniti b’rabta mal-Gwerra tal-Vjetnam (jiġifieri d-Dokumenti tal-Pentagon); u għalhekk il-metafora tkompliet bit-terminu “plamers”.[14]

  1. ^ Whitney, William D., ed.. "Trade." Def, 7. The Century Dictionary: An Encyclopedic Lexicon of the English Language vol. 8. New York. The Century Co. 1895. 6,415. Print.
  2. ^ Michigan Department of Technology, Management (2017-12-01). "Employment and Occupations in the Skilled Trades in Michigan" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-12-01. Miġbur 2021-07-17.
  3. ^ Pulsifer, William H. Notes For a History of Lead, New York University Press, 1888, pp. 132, 158.
  4. ^ Middleton, John Henry (1892). The Remains of Ancient Rome (bl-Ingliż). A. and C. Black. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  5. ^ ila-lead.org (2008-11-21). "Historical production and uses of lead" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2008-11-21. Miġbur 2021-07-17.
  6. ^ EW Wedlake; J Britton (1836). "Westminster Palace". The history of the ancient palace and late Houses of Parliament at Westminster. J B Nichols and son. p. 122.
  7. ^ "Plumbers, Pipefitters, and Steamfitters : Occupational Outlook Handbook: : U.S. Bureau of Labor Statistics". www.bls.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
  8. ^ Canada, Employment and Social Development. "Red Seal Program". www.red-seal.ca. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-02. Miġbur 2021-07-17.
  9. ^ "How to become a plumber | Plumber qualifications | Local Heroes". localheroes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
  10. ^ "How to become a plumber | Plumber qualifications | Local Heroes". localheroes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
  11. ^ "How to become a plumber | Plumber qualifications | Local Heroes". localheroes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
  12. ^ Magazine, Plumber (2018-01-15). "9 Hazards Plumbers Should Be Aware Of". Plumber Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
  13. ^ Haagsma, Juanita A.; Tariq, Luqman; Heederik, Dick J.; Havelaar, Arie H. (2012-02-01). "Infectious disease risks associated with occupational exposure: a systematic review of the literature". Occupational and Environmental Medicine (bl-Ingliż). 69 (2): 140–146. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  14. ^ Hersh, Seymour M. (2011-11-10). "Kissinger and Nixon in the White House". The Atlantic (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-17.
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy