Skogskyrkogården
Skogskyrkogården (pronunzjat [ˈskûːɡsɕʏrkʊˌɡoːɖɛn]; isem Żvediż li jfisser litteralment "Ċimiterju tal-Bosk")[1] huwa ċimiterju li jinsab fid-distrett ta' Gamla Enskede fin-Nofsinhar taċ-ċentru ta' Stokkolma, l-Iżvezja. Id-disinn tiegħu, imfassal minn Gunnar Asplund u Sigurd Lewerentz, jirrifletti l-iżvilupp tal-arkitettura mill-Klassiċiżmu Nordiku għall-funzjonaliżmu matur.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Skogskyrkogården twettaq wara kompetizzjoni internazzjonali li saret fl-1915 għad-disinn ta' ċimiterju ġdid f'Enskede fil-parti tan-Nofsinhar ta' Stokkolma, l-Iżvezja. Intgħażel id-disinn imsejjaħ "Tallum" mill-arkitetti żgħażagħ Gunnar Asplund u Sigurd Lewerentz. Wara xi bidliet li saru fid-disinn fuq rakkomandazzjonijiet tal-ġurija tal-kompetizzjoni, fl-1917 inbeda x-xogħol fuq art li qabel kienet barriera antika taż-żrar u li fuqha kienu kibru s-siġar taż-żnuber. L-ewwel fażi tlestiet tliet snin wara. L-użu tal-pajsaġġ naturali mill-arkitetti ħoloq ambjent straordinarju ta' sbuħija u trankwillità li kellu influwenza kbira fuq id-disinn taċ-ċimiterji fid-dinja kollha. Mudelli essenzjali għad-disinn taċ-ċimiterju kienu ċ-ċimiterji forestali Ġermaniżi ta' Friedhof Ohlsdorf f'Hamburg u l-Waldfriedhof fi Munich iżda anke l-pitturi Neoklassiċi ta' Caspar David Friedrich.
Il-bażi għar-rotta minn ġoċ-ċimiterju hija rotta twila li twassal mid-daħla bil-kolonni ornamentali li mbagħad tinqasam fi tnejn, naħa twassal għal pajsaġġ pastorali, b'għadira kbira u għolja tal-meditazzjoni bis-siġar, u l-oħra twassal sa kurċifiss kbir tal-granit għalih waħdu u l-portiku astratt tal-krematorju u l-kappelli tal-Kurċifiss Imqaddes, tal-Fidi, u tat-Tama. Il-mogħdijiet jerġgħu jingħaqdu u jgħaddu tul mogħdija dritta minn ġo roqgħa art densa bis-siġar taż-żnuber, l-hekk imsejħa Mogħdija tas-Seba' Bjar, li twassal sal-"Uppståndelsekapellet" jew il-Kappella tal-Irxoxt. Il-kurċifiss kbir u skur tal-granit f'nofs il-veduta mid-daħla prinċipali ġie deskritt ukoll bħala ispirazzjoni minn pittura ta' Caspar David Friedrich bit-titlu "Kurċifiss fil-Baħar Baltiku" (1815), bit-tifsira ta' tama f'dinja abbandunata; iżda Asplund u Lewerentz insistew li l-kurċifiss kien miftuħ għal interpretazzjonijiet mhux Kristjani, u saħansitra kkwotaw lil Friedrich: "Lil dawk li jarawh kif inhu, huwa ta' wens, lil dawk li le, huwa sempliċement kurċifiss".[2]
L-arkitetti ddisinjaw il-kumpless kollu, mill-pajsaġġ sal-iżgħar arblu tad-dawl, għalkemm hemm ukoll skulturi integrati ta' Carl Milles. Il-kontribut ta' Lewerentz kellha x'taqsam l-iktar mal-pajsaġġ iżda anke mad-daħla prinċipali u l-"Uppståndelsekapellet" Klassika jew il-Kappella tal-Irxoxt, li nbniet fl-1925. Asplund ħadem l-iktar fuq il-binjiet taċ-ċimiterju, kif ukoll il-Krematorju ż-żgħir tal-Bosk li nbena fl-1935-1940 u li jitqies bħala opra ċentrali tiegħu u tal-istil tal-Klassiċiżmu Nordiku ta' dak iż-żmien. ll-kappella żgħira, mibnija fuq peristil Toskan u bi statwa tad-deheb fuq is-saqaf ta' Carl Milles, fil-fatt oriġinat minn "għorfa primittiva" li Asplund inzerta ra fi ġnien f'Liselund.[3] Il-krematorju, bil-Kappelli tal-Fidi, tat-Tama u tal-Kurċifiss Imqaddes, kien ix-xogħol finali tal-arkitettura ta' Asplund, iddisinjat bi stil Modernist razzjonali li huwa tipika għax-xogħol li għamel wara, u fetaħ ftit qabel mewtu fl-1940.
Iċ-ċimiterju huwa attrazzjoni turistika importanti ta' Stokkolma. Fil-Pavaljun ta' Tallum (binja ddisinjata oriġinarjament minn Asplund bħala faċilità għall-persunal taċ-ċimiterju), il-viżitaturi jistgħu jaraw wirja dwar iċ-ċimiterju u l-istorja tal-oriġini tiegħu, kif ukoll dwar iż-żewġ arkitetti li bis-saħħa tal-viżjoni tagħhom ħolquh.
Skogskyrkogården huwa kkollegat mal-metro u l-eqreb stazzjon tal-metro għandu l-istess isem ta' Skogskyrkogården.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Skogskyrkogården ġie ddiżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 minkejja li għandu inqas nies notevoli midfuna fih meta mqabbel maċ-ċimiterju iktar antik ta' Norra begravningsplatsen fit-Tramuntana ta' Stokkolma.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[4]
Nies notevoli midfuna fil-post
[immodifika | immodifika s-sors]- Artur Adson, (1889-1977), poeta, kittieb u kritiku teatrali Estonjan
- Gunnar Asplund (1885-1940), arkitett
- Tim Bergling (1989-2018), mużiċista u DJ, magħruf professjonalment bħala Avicii (sarlu l-funeral hawnhekk, u l-fdalijiet tiegħu ġew midfuna fil-Bitħa tal-Knisja ta' Hedvig Eleonora)
- Brasse Brännström (1945-2014), attur
- Ulla Bergryd (1942-2015), attriċi u lettriċi fl-Università ta' Stokkolma
- Arthur Fischer (1897-1991), attur
- Siegfried Fischer (1894-1976), attur
- Gustav Fonandern (1880-1960), arkitett u kantant
- Greta Garbo (1905-1990), attriċi
- Alma Johansson (1880-1974), missjunarja
- Pelle Lindbergh (1959-1985), gowler tal-hockey mat-Team Sweden u l-Philadelphia Flyers tal-NHL
- Ivar Lo-Johansson (1901-1990), kittieb
- Oscar A.C. Lund (1885-1963), attur u reġista tal-films muti
- Molla Mallory (1884-1959), ċampjin tat-tennis, rebbieħa ta' rekord ta' tmien titli għal rasha fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Istati Uniti
- Anton Nilson (1887-1989), Komunista rivoluzzjonarju
- Lennart "Nacka" Skoglund (1929-1975), plejer famuż tal-futbol
- Marie Under (1883-1980), poeta Estonjan
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Startpage | Skogskyrkogården". web.archive.org. 2014-01-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-01-09. Miġbur 2022-06-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Ken Worpole, Last Landscapes: The Architecture of the Cemetery in the West, Reaktion Books, 2004, p. 147. Vaughan Hart, ‘Sigurd Lewerentz and the ‘Half-Open Door’’, Architectural History: Journal of the Society of Architectural Historians of Great Britain, vol. 36, 1996, pp. 181-196.
- ^ Kenneth Frampton, Modern Architecture – A Critical History. London, Thames & Hudson, 1980.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Skogskyrkogården". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-30.