Traduzzjoni
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
It-traduzzjoni hija l-komunikazzjoni tat-tifsira ta’ test fil-lingwa sors permezz ta’ test ekwivalenti fil-lingwa mira. Il-lingwa Ingliża tagħmel distinzjoni terminoloġika (li ma teżistix f’kull lingwa) bejn it-traduzzjoni (test miktub) u l-interpretazzjoni (komunikazzjoni orali jew bis-sinjali bejn utenti ta’ lingwi differenti). Permezz ta’ din id-distinzjoni, it-traduzzjoni tista’ tibda biss wara li tkun daħlet il-kitba fi ħdan komunità ta’ lingwa. Traduttur dejjem jirriskja meta b’mod involontarju jintroduċi kliem, grammatika jew sintassi tal-lingwa sors fir-rendiment tal-lingwa mira. Min-naħa l-oħra, dan it-tixrid ġieli wassal biex jiġu importati kalki u kliem missellef mil-lingwa sors li għamlu l-lingwi mira aktar rikki. Tradutturi, inklużi dawk bikrija ta’ kotba mqaddsa, kienu ta’ għajnuna fit-tiswir tal-lingwi li huma ttraduċew fihom. Minħabba l-ħidma impenjattiva fil-proċess tat-traduzzjoni, mis-snin 40 saru sforzi, bi gradi differenti ta’ suċċess, biex it-traduzzjoni tiġi awtomatizzata jew biex b'mod mekkaniku jgħinu lit-traduttur uman. Aktar reċenti, iż-żieda fl-użu tal-Internet rawmet suq internazzjonali għas-servizzi tat-traduzzjoni, u ffaċilitat il-“lokalizzazzjoni tal-lingwa”.
L-Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kelma Ingliża “translation” oriġinat mill-kelma Latina translatio, li tiġi minn trans, “min-naħa għall-oħra” u ferre, “iġorr” jew “iġib” (-latio tiġi minn latus, il-partiċipju passat ta’ ferre). Għalhekk, translatio tfisser “iġib minn naħa għal oħra” jew “iġorr minn naħa għal oħra” - f’dan il-każ, test minn lingwa għal oħra. It-terminu Grieg Antik għal “traduzzjoni”, μετάφρασις (metafrasis, “titkellem minn naħa għal oħra”), ipprovda l-Ingliż b’“metaphrase” metafrażi (traduzzjoni “litterali”, jew “kelma b’kelma”), b’kuntrast ma’ “paraphrase” parafrażi (“tgħid fi kliem ieħor”, minn παράφρασις, parafrasis). F’waħda mit-terminoloġiji l-aktar riċenti, “metafrażi” tikkorrispondi ma’ “ekwivalenza formali”; u “parafrażi” ma’ “ekwivalenza dinamika”. Fil-verità, il-kunċett ta’ metafrażi, jiġifieri ta’ “traduzzjoni kelma b’kelma”, huwa kunċett imperfett, minħabba li kelma partikolari f’lingwa partikolari jista’ jkollha iktar minn tifsira waħda u minħabba li tifsira simili partikolari f’lingwa partikolari tista’ tiġi rrappreżentata b’iktar minn kelma waħda. Madankollu, “metafrażi” u “parafrażi” jistgħu jkunu utli bħala kunċetti ideali li jimmarkaw l-estremitajiet fil-firxa wiesgħa ta’ approċċi possibbli għat-traduzzjoni.
It-Traduzzjoni letterarja
[immodifika | immodifika s-sors]It-traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji (rumanzi, novelli, drammi, poeżiji, eċċ.) hija meqjusa bħala eżerċizzju letterarju fiha nnifisha. Figuri notevoli fil-letteratura Kanadiża, speċifikament għax-xogħol tagħhom bħala tradutturi, huma Sheila Fischman, Robert Dickson, u Linda Gaboriau. Kull sena, il-Premjijiet tal-Gvernatur Ġenerali Kanadiżi jippremjaw l-aħjar traduzzjonijiet letterarji mill-Ingliż għall-Franċiż u mill-Franċiż għall-Ingliż. Kittieba oħra, fost ħafna li għamlu isem bħala tradutturi letterarji, jinkludu Vasily Zhukovsky, Tadeusz Boy-Żeleński, Vladimir Nabokov, Jorge Luis Borges, Robert Stiller, Lydia Davis, Haruki Murakami, Achy Obejas, u Jhumpa Lahiri. Fis-snin 2010 ġie nnutat żbilanċ sostanzjali bejn il-ġeneri fit-traduzzjoni letterarja għall-Ingliż. Ix-xogħlijiet ta’ kittieba rġiel kienu qed jiġu tradotti ħafna iktar minn dawk ta’ kittieba nisa. Sabiex tindirizza dan l-iżbilanċ, fl-2014, Meytal Radzinski nediet il-kampanja Women in Translation.
It-Traduzzjoni teknika
[immodifika | immodifika s-sors]It-traduzzjoni teknika tirrendi dokumenti bħal manwali, folji ta’ istruzzjonijiet, noti interni, minuti, rapporti finanzjarji u dokumenti oħra għal udjenza limitata (li hija affettwata direttament mid-dokument) u li l-ħajja utli tagħhom ħafna drabi hija limitata. Għalhekk, gwida għall-utent għal mudell partikolari ta’ friġġ hija utli biss għas-sid ta’ dik il-friġġ, u tibqa’ utli biss sakemm dak il-mudell ta’ friġġ ikun qed jintuża. Bl-istess mod, dokumentazzjoni ta’ software ġeneralment tappartjeni għal software partikolari, li l-applikazzjonijiet tiegħu jintużaw biss minn ċertu klassi ta’ utenti.