Aqbeż għall-kontentut

It-Tempesta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Miranda fil-maltempata, pittura ta' John William Waterhouse (1916) -
Id-drammi ta' Shakespeare sikwit kienu sors ta' ispirazzjoni għall-pitturi prerafaeliti.
The Tempest (1908)

It-Tempesta hi traġikummiedja f'ħames atti miktuba minn William Shakespeare fl-1611.

Il-Granduka ta' Milan, Prospero wara li ħuh kien faqqru u eżiljah, tħalla ma' bintu Miranda fuq gżira abbandunata. Bis-seħer li kien tgħallem mill-kotba li kellu, seta' jikkontrolla l-elementi u l-ispirti fosthom Ariel, spirtu pożittiv tal-arja u n-nifs tal-ħajja u Caliban spirtu negattiv li jissimbolizza l-art, il-vjolenza u l-mewt.

Ix-xena tiftaħ b'nawfraġju, ikkawżat minn Ariel, ta' ġifen li kien hemm fuqu ir-re ta' Napli, ibnu Ferdinand kif ukoll ħuh Antonio, li kien ta xhieda falza kontra Prospero. Permezz tas-seħer u tal-illużjoni, Prospero għadda 'l dawn it-tlieta, mitluqin fuq il-gżira, minn diversi provi maħsuba biex jikkastighom għat-tradiment tagħhom, iżda li kellhom ukoll karattru ta' inizzjazzjoni. Fl-aħħar tar-rakkont, Prospero għamel paċi ma' ħuh u r-re, u żewweġ lil bintu ma' Ferdinand, ħeles lil Ariel u 'l Caliban u rrinunzja l-maġija biex jieħu lura d-dukat tiegħu.

Il-persunaġġi f' It-Tempesta daż-żmien laħqu livell kważi mitiku: jirrappreżentawhom, jikkwotawhom u ħafna artisti jużawhom fix-xogħolijiet tagħhom. Huma jinkarnaw u jissimbolizzaw b'għana kbira l-imġiba u s-sentimenti tal-bniedem. Caliban u Ariel spiss servew biex jissimbolizzaw il-popli primittivi tal-kolonji, ilsira u ġugarelli tal-poteri kolonjali, mitfugħin 'l u 'l hemm fil-piki tal-kolonizzaturi li lilhom ma kinux jifhmuhom.

Shakespeare uża xena mir-rakkont ta' Pigafetta, kavallier ta' Rodi, idealista u żagħżugħ, rakkomandat minn Karlu V lil Magellan u li akkumpanjah fuq l-espedizzjoni tiegħu lejn ir-Rotta tal-Ħwawar li telqet minn Sivilja fl-1519. Kien ma' Magellan fil-Battalja tal-gżira Mactan kontra r-raġa Silapulapu. Hemm bosta deskrizzjonijiet differenti tal-battalja li fiha miet Magellan, l-iżjed eżatta hi aktarx dik ta' Pigafetta.

Xi elementi tad-dramm jidhru li ġejjin mir-rakkont ta' William Strachey dwar l-għarqa tas-Sea Venture, li ġrat fl-1609 fl-arċipelagu ta' Bermuda. L-istorja inkitbet fl-1610 imma ġietx stampata sal-1925, però bosta manuskritti kienu jiċċirkulaw, u Shakespeare seta' tnebbaħ minnha fid-deskrizzjoni tan-nawfraġju tal-ġifen tar-Re ta' Napli. Barra minn hekk, hemm monologu ta' Gonzalo li hu ispirat mit-test ta' Montaigne Des Cannibales, li jfaħħar il-popli indiġeni tal-Karibew. Id-diskors ta' Prospero meta jirrinunzja s-setgħat tiegħu hu traskrizzjoni kważi litterali tal-kliem ta' Medea fil-Metamorphosis ta' Ovidju. Id-dramm ifakkarna wkoll fid-dramm ta' Sofokle, Philoctetes; it-trama ġenerali hi l-istess: eżilju fuq gżira, nawfraġju, il-Prinċep depost, rikonċiljazzjoni.

It-trama fil-qosor

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Tempesta

L-ewwel att jiftaħ f'nofs maltempata kbira. Ġifen li kien qiegħed iġorr ir-Re Alonso ta' Napli u ta' madwaru, li kienu sejrin lura d-dar minn Tunes fejn marru għat-tieġ ta' bint ir-Re, qed jintefa' 'l hawn u 'l hemm mill-mewġ qawwi. Waqt li n-nostromu jipprova jżomm il-ġifen fil-wiċċ, ir-re u ż-żewġ irġiel ta' rashom sħuna, Antonio u Sebastian, jitilgħu fuq il-gverta u jibdew jgħajtu l-ordnijiet lill-ekwipaġġ. In-nostromu ma jkollux żmien joqgħod jisma' r-Re arroganti u l- korteġġjani tiegħu, u jeħodhom bil-għerra. L-irġiel jirrabjaw u jibdew jgħajruh u jinsultawh huwa u jipprova jerġa' jieħu kontroll tat-tmun. Gonzalo, il-kunsiller tar-Re biss jibqa' kalm u kwiet waqt li r-riħ jaqsam il-ġifen fi tnejn.

It-tieni xena

[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq gżira fil-qrib, Prospero, il-veru Duka ta' Milan, u bintu ta' ħmistax-il sena, Miranda, qed jaraw in-nawfraġju tal-ġifen. Il-ħanina Miranda titwaħħax b'dak li qed tara, imma Prospero jiżguraha li l-irġiel fuq il-ġifen ħa jsalvaw. Jispjega lil bintu kif kellu x'jaqsam man-nawfraġju u man-nies fuq il-ġifen. Jgħid lil bintu li darba kien id-Duka ta' Milan, u, bħala Duka, qatta' ħafna mill-ħin tiegħu jitgħallem l-arti tas-seħer. Iżda, fl-ambizzjuż Antonio, ħu Prospero, "qamet natura ħażina" (I.II.93), u ddeċieda li jiddeponi 'l Prospero u joħodlu t-titlu ta' Duka. Antonio kien mgħejun mir-Re Alonso, u flimkien neħħew 'il Prospero mill-poter u qegħduh ma' Miranda, li kellha sentejn, ġo dgħajsa li abbandunaw fuq il-baħar. B'xorti tajba, il-ħanin Gonzalo kien tahom magħhom l-ilma, il-ħwejjeġ, u provvisti oħra, fosthom il-kotba li Prospero kellu għal qalbu. B'hekk setgħu iżżommu fuq wiċċ il-baħar għal xi żmien, u fl-aħħar niżlu fuq gżira li saret id-dar permanenti tagħhom.

Issa d-Destin ġab l-għedewwa ta' Prospero qribu għal darb'oħra, u, jammetti lil Miranda li permezz tas-seħer hu kien responsabbli għall-maltempata li ġabet 'il ħuh u r-Re fuq il-gżira. Issa l-affarajiet qegħdin isiru aktar urġenti mill-ħafna mistoqsijiet ta' Miranda, u Prospero jraqqadha bis-seħer tiegħu waqt li jsejjaħ 'il qaddej tiegħu, l-ispirtu jismu Ariel. Ariel jgħid lil sidu li bil-maġija tefa' l-passiġġieri f'ħolma u ferrixhom mal-gżira, u żgurah li bin ir-Re, Ferdinand, kien waħdu kif kien ordna Prospero. Ferdinand qiegħed waħdu jibki l-mejtin għax ħaseb li hu biss kien salva min-nawfraġju. Ariel xeba' mill-qadi li kien tah Prospero biex iwettaq, u jilminta "Hemm qadi ieħor?" (242), iżda Prospero malajr ifakkar lil Ariel li l-"qadi" hu ħlas li kien jafu 'l Prospero talli salvah mill-priġunerija fiz-zokk ta' siġra, li wettqet 'is-saħħara infami Sycorax'(258) li issa kienet mietet imma darba kienet taħkem il-gżira bis-seħer tagħha. Prospero jiżgura lil Ariel li, jekk il-pjanijiet tiegħu jirnexxu jeħilsu mill-obbligi kollha tiegħu. Imbagħad jordna 'l Ariel li jagħmel lilu nnifsu inviżibbli għal kulħadd ħlief sidu.

Ariel itir u jitlaq u Prospero jqajjem 'il Miranda u jgħidilha li ħa jżuru l-ilsir l-ieħor tiegħu, Caliban, l-iben sfigurat u salvaġġ tas-saħħara mejta Sycorax. Minkejja li Prospero kien ipprova jimmansah, Caliban baqa' salvaġġ u barbaru, u saħansitra pprova jistupra 'l Miranda. Prospero jsejjaħ lil Caliban li kontra qalbu fl-aħħar jiġi, igerger dwar il-jasar tiegħu. Prospero wieġeb li għandu kull dritt li jassar lil Caliban, bħala ħlas għall-edukazzjoni kollha li kien tah u l-ħniena li kien urieh. Caliban jirrispondi, jisħaq li qatt ma ried ikun edukat minn Prospero:[1]

Għallimtni l-lingwa, u li ħadt minnha
Hu, li naf nidgħi. Il-pesta l-ħamra teqirdek
talli għallimtni l-lingwa tiegħek!

—(425-7)

Prospero jibgħat lil Caliban jiġbor il-ħatab, u Ferdinand jidħol b'Ariel inviżibbli warajh, idoqq u jkanta. Miranda tara 'l Ferdinand u mill-ewwel tiġġenen warajh u Ferdinand jintilef wara Miranda. Prospero, li kien qiegħed jittama li bintu ssir tħobb 'il Ferdinand, kuntent ħafna. Madankollu, biex jiżgura li Ferdinand hu r-raġel li jixirqilha Miranda, jipprova d-determinazzjoni tiegħu u jagħmel b'ruħu li ma jafdax iż-żagħżugħ. Minkejja d-dwejjaq ta' Miranda, Prospero jaqfel lil Ferdinand.

Fin-naħa l-oħra tal-gżira, Gonzalo jipprova jikkonsla lir-Re Alonso, li mingħalih li tilef lil ibnu, Ferdinand. Ħu r-Re, Sebastian, mhux daqshekk ħanin u jidħaq b'Gonzalo għax kien qieghed jipprova jwennes lir-Re. Sebastian ifakkar lir-Re li qabel telqu kienu tawh parir kontra l-vjaġġ lejn Tunes, u għalhekk hu direttament responsabbli għall-għawġ tagħhom kollu. Jasal Ariel u bis-seħer iraqqad lil kulħadd barra Antonio u Sebastian. Antonio jissuġġerixxi li joqtlu r-Re kif inhu rieqed u jagħmlu 'l Sebastian ir-Re ġdid ta' Napli. Sebastian jaqbel miegħu, imma kif joħorġu x-xabla, Ariel iqajjem lir-re Alonso u lil Gonzalo. Gonzalo jarahom bix-xwabel maħruġin u jistaqsihom x'qegħdin jagħmlu. Sebastian jigdeb u jgħidlu li sema' għajta li kienet qisha tal-annimali selvaġġi, u kienu ħa jipproteġu r-Re li kien rieqed. Ir-re Alonso jemminhom u ma jagħtix kas u jitlobhom jgħinuh ifittex 'l Ferdinand. Huma jaqblu u tintemm x-xena.

It-tieni xena

[immodifika | immodifika s-sors]

Caliban jspiċċa jqatta' l-ħatab u jisma' ragħda kbira. Din tnebbħu biex jibda jgerger waħdu bil-mibgħeda kontra Prospero: "L-infezzjonijiet kollha li tixrob ix-xemx/Minn basassi, mngħajdri u xagħri jaqgħu fuq Prospero, u jmarrduh pulzier pulzier!" (1-3)[2] Jaħseb li Prospero mela l-gżira bl-ispirti biex jaħqruh talli dam ma lesta l-ħatab. Jiġi Trinculo, il-buffu tal-qorti li kien ivvjaġġa mar-Re, u Caliban m'għandhiex xi ngħidu, jassumi li huwa wieħed mill-ispirti ta' Prospero jispjuna fuqu. Caliban jinżel mal-art biex ma jindunax bih. Trinculo qed tfittex il-kenn, inkwetat mill-maltempata li ġejja. Jara 'l Caliban, mixfut mal-art wiċċu l-isfel u jsibu interessanti ħafna. Jixtieq li kien l-Ingilterra biex ikun jista' jdaħħal il-mostru li skopra f'xi wirja bħala skerz tan-natura. Ir-ragħad joqrob u Trinculo jkollu minkejja l-istmerrija tiegħu jidħol biex jiskenn taħt il-mantell ta' Caliban. Fi kliemu li saru famużi, "Il-gwaj iġiegħelek issir taf xi sħab tas-sodda veru strambi!"(42).[3]Issa jidher Stephano, il-maggurdomu tar-Re li kien ukoll salva min-nawfraġju. Wasal fuq l-art riekeb fuq bettija inbid u peress li kien xorob li kien fiha, issa sakran sewwa. Meta jara 'l Trinculo u Caliban mixħutin mal-art jaħsibhom mostru b'żewġt irjus u b'erba saqajn, indiġenu tal-gżira. Stephano jagħti 'l Caliban il-ftit inbid li kien baqagħlu bit-tama li jippaċifika dan il-waħx. Caliban jgħajjat, "Taħqarnix, nitolbok" (73) billi għadu jemmen li dawn in-nies huma spirti mibgħutin minn sidu. Trinculo jqum u jieħu r-ruħ meta jara 'l sieħbu. It-tnejn jibdew jiżfnu biex jiċċelebraw ir-rijunjoni tagħhom filwaqt li Caliban,li issa fis-sakra bl-ewwel belgħa nbid, jiddeċiedi li Stephano se jkun sidu l-ġdid: "Inbuslek sieqek. Naħlef li jien qaddej tiegħek." (154).[4] Stephano jaċċetta bil-qalb l-offerta ta' Caliban u jitilqu biex jaraw l-għeġubijiet tal-gżira.

It-tielet att

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tielet att jiftaħ b'Ferdinand iwwettaq id-dmirtijiet kontra r-rieda tiegħu li ordnalu Prospero. Jgħid lilu nnifsu li, għalkemm mhux imdorri b'dak ix-xogħol iebes, iħobb ix-xogħol għax jaf li Miranda "tibki" meta tarah isofri. Tidher Miranda b'Prospero wara li jistaħba minnhom. Hi toffri li tgħin lil Ferdinand biex iġorr iz-zkuk imma hu jirrifjuta l-għajnuna tagħha, jinsisti li kien aħjar għalih li jaqsam dahru milli jaraha ssofri "diżunur bħal dan" (27). Jiddikjaraw l-imħabba tagħhom lejn xulxin u jiftehmu li jiżżewġu kemm jista' jkun malajr. Prospero jifraħ b'dak li qiegħed jisma' u, issa żgur li Ferdinand jistħoqq lil bintu, imur lura lejn il-kotba tiegħu u lejn l-affarijiet iżjed urġenti li kellu ma' Antonio u r-Re.

It-tieni xena

[immodifika | immodifika s-sors]

L-attenzjoni ddur għal darb'oħra fuq Caliban, Stephano, u Trinculo. Stephano ma jistax jikkontrolla 'l Caliban, li jobgħod lil Trinculo għaliex joqgħod isejjaħlu "il-mostru". Caliban jipproponi li flimkien jegħlbu u joqtlu lil Prospero, u jisirqulu l-kotba u 'l bintu. Stephano jaqbel mal-pjan, għax jara ruħu bħala l-ħakkiem tal-gżira u żewġ Miranda. Iżda Ariel jisma' x'qegħdin jgħidu u jmur jiġri jgħid lil Prospero.

It-tielet xena

[immodifika | immodifika s-sors]

Sadanittant, Ir-Re Alonso u l-korteġġjani tiegħu kienu qegħdin ifittxu 'l Prinċep Ferdinand mal-ġzira kollha. F'daqqa waħda, kreaturi maġiċi iġibu pranzu u jqiegħdu l-ikel quddiem l-irġiel bil-ġuħ. Alonso, Sebastian, u Antonio jiġru lejn il-pranzu, imma kif ikunu se jieklu, jidher Ariel, fil-forma ta' arpja, u l-mejda tisparixxi f'tifqigħa ta' ragħad u sajjetti. Ariel jakkużahom li kienu rġiel ħżiena u jgħidilhom li d-Destin ġust kien ikkawża n-nawfraġju tagħhom u kien ħadlu 'l ibnu lil Alonso. Jgħidilhom ukoll li se jkunu itturmentata sakemm ibiddlu l-imġiba ħżiena tagħhom u jibdew jgħixu "ħajja nadifa" (82). Ariel jisparixxi u jidhru għal darb'oħra l-kreaturi mistiċi jġorru l-mejda u jiżfnu mal-mużika ħelwa li issa timla l-arja. Ir-Re jiddeċiedi li jibqa' jfittex lil ibnu u jmut ma' ġenbu, u Antonio u Sebastian imorru warajh, imqarrqa li jistgħu jeqirdu l-ispirti tal-gżira. Gonzalo, inkwetat li qegħdin jiġġennu. imur warajhom, bit-tama li "jżommhom minn dak li din l-estasi / Tista' issa ġġiegħlom jagħmlu". (106-7)[5]

Prospero jagħti l-kunsent tiegħu għaż-żwieġ bejn Miranda u Ferdinand u jibda jipprepara ballu bil-maskri għat-tieġ taż-żewġ maħbubin. Iwiddeb lil Ferdinand li ma "jiksrilhiex l-għoqda verġinali" (15) sakemm jiżżewġu leġittimament. Mużika ħelwa timla l-arja u tliet spirti jagħmluha tal-allat, Iris, Ċerere, u Ġunone jinżlu biex jieħdu sehem fil-festa. Jidhru ninfi oħra u kollha jibdew jiżfnu u jixxalaw. Iżda l-festi jieqfu ħesrem meta jinstema' ħafna għajjat mid-dar ta' Prospero. L-għajjat ġej minn Caliban, Stephano, u Trinculo, li għadhom fis-sakra u lesti li joqtlu 'l Prospero. Prospero jibgħat l-ispirti u jgħid lil Ferdinand u Miranda:. "Ix-xalar tagħna issa ntemm. Dawn l-atturi tagħna,[6]

Kif ġà għedtilkom, kienu kollha spirti u
nħallu fl-arja, fl-arja ħafifa:
U, bħall-binja bla bażi ta' dil-viżjoni,
It-torrijiet b'rashom fis-sħab, il-palazzi tal-għaġeb,
Il-tempji solenni, il-globu nnifsu sħiħ,
U kollox li hemm fih, ħa jinħall
U, bħal dil-festa vojta jintemm,
Mingħajr ma jħalli l-ebda ħjiel. Aħna l-materjal li
Li l-ħolm hu magħmul minnu, u l-ħajja ċkejkna tagħna
Tispiċċa f'raqda. Sinjur, jien imħawwad;
Ħu paċenzja bid-dgħjufija tiegħi, moħħi inkwetat:
Toqgħodx tinkwieta fuq il-qagħda ħażina tiegħi:
Jekk jogħġbok, mur fiċ-ċella tiegħi
U strieħ hemm: ħa nagħmel żewġ passi,
Biex nikkalma moħħi jħabbat.

—(163-77)

Prospero jordna 'l Ariel li joħroġ ħwejġu kollha għax jaf li Stephano u Trinculo jagħmlu għall-oġġetti prezzjużi. Ariel jerġa' jidħol, dirgħajh mgħobbijin ilbies sabiħ. Prospero u Ariel joqgħodu għassa fejn ma jidhrux u Caliban, Stephano, u Trinculo jidħlu fiċ-ċella ta' Prospero, u m'għandniex xi ngħidu, jintilfu fuq il-ħwejjeġ sbieħ. Stephano u Trinculo jippruvawhom, minkejja it-twiddib ta' Caliban li jaf li Prospero se jaqbadhom. Minn barra jinstema' l-inbieħ tal-klieb selvaġġi. Prospero kien sejjaħ l-ispirti tal-gżira biex jieħdu l-forma ta' klieb tal-kaċċa selvaġġi u jkeċċu t-tliet infami miċ-ċella ta' Prospero. It-tlieta joħorġu jiġru jwerżqu. Prospero u Ariel jibqgħu hemm. Prospero jgħid lil Ariel li għedewwa tiegħu issa kollha f'idejh u li hu dalwaqt se jkollu l-ħelsien mill-gżira.

Il-ħames att

[immodifika | immodifika s-sors]

L-aħħar att jiftaħ tlett ijiem wara li t-tempesta kbira kienet qerdet il-ġifen. Prospero, liebes l-ilbies tal-maġija, jisma' l-appell ta' Ariel f'isem n-nies li ġew l-art. Ariel jgħidlu li r-Re Alonso, Sebastian, u Antonio kienu t-tlieta ġġennu, filwaqt li Gonzalo kien qalbu maqsuma jibki l-vittmi. Il-kliem ta' Ariel irattbulu qalbu lil Prospero u jiddeċiedi li ħa jurihom il-ħniena li huma ma kinux urewh tnax-il sena qabel. Jibgħat lil Ariel għalihom, u f'solilokwiju jgħid li ladarba jerġa' jġib l-għedewwa tiegħu f'sessihom, ħa jirrinunzja s-seħer għal dejjem: "Imma dan is-seħer aħrax/hawn ħa niċħad" (50-1). [7] Jaqsam il-bastun maġiku tiegħu, u jisħaq li se jitfa' l-baħar il-kotba kollha li għandu u minflok l-ilbies ta' saħħar ħa jilbes il-ħwejjeġ ta' meta kien Duka ta' Milan. Imdawwar b'mużika solenni Ariel iġib lil Alonso, Sebastian, Antonio, Gonzalo, Adrian, u Francisco ġo ċ-ċella ta' Prospero. Dawn qegħdin f'ħolma u joqgħod madwar ċirku li għamel Prospero. Prospero jgħid lil Ariel li issa ħieles mid-dmirijiet kollha, u li se jitilfu jmur lura Milan. Prospero joħroġhom mill-ħolma u Gonzalo l-ewwel li jitkellem: "Jalla xi setgħa smewwitija toħroġna/Barra min din l-art tal-biża'." (105-6)[8]

Prospero jgħidilhom min hu u Alonso, li ra l-ħażen li kien għamel, jindem u jagħti lura d-dukat lil Prospero. Alonso jingħaqad ma' Ferdinand u ż-żewġ missirijiet jissiġillaw il-paċi bejniethom biż-żwieġ ta' wliedhom. Antonio u Sebastian ma jindmux, iżda jkollhom jobdu l-ordnijiet tar-Re biex jerġgħu jagħmlu 'l Prospero Duka ta' Milan. Prospero jaħfer lil Antonio iżda ma' jagħmilx paċi miegħu u jgħidlu: "Lilek, sinjur mill-eħżen, li nsejjaħlek ħija/Iniġġiżli ħalqi, ma naħfirlekx l-agħar dnub" (131-2).[9] Jidħol Ariel man-nostromu u l-Kaptan tal-ġifen, u dawn jirrakontaw kif baqgħu skantati li raw il-ġifen imsewwi għal kollox u lest biex isiefer. Ariel malajr isejjaħ lil Caliban, Stephano, u Trinculo, li għadhom fis-sakra, u Prospero jgħid lil Caliban li issa jista' jkun ir-re tal-gżira u Caliban jiddispjaċih li qatt ħaseb li Stephano kien sidu. Isejjaħ lilu nnifsu "ħmar doppu għal tliet darbiet" (296)[10] għax kien wera rispett lil dak l-istupidu. Prospero jistieden lir-Re u l-korteġġjani tiegħu biex jisimgħu l-istorja tal-ħajja tiegħu fuq il-gżira, u sadattant Ariel (bħala l-aħħar qadja lil Prospero) iħejji t-temp u l-baħar biex jieħdu 'l Prospero lura lejn l-Italja.

  • Percy Bysshe Shelley kien wieħed mill-ewwel poeti li kienu influwenzati minn It-Tempesta. Fil-poeżija "With a Guitar, To Jane" jidentifika Ariel mal-poeta u l-għanjiet tiegħu mal-poeżija. Il-poeżija tuża lingwaġġ sempliċi biex tesprimi kemm Ariel kien qrib in-natura u timita s-sbuħija sempliċi tal-għanjiet ta' Shakespeare.[11]
  • Wara l-publikazzjoni tal-ideat ta' Darwin dwar l-evoluzzjoni, il-kittieba bdew jiddiskutu l-post tal-bniedem fid-dinja u r-relazzjoni tiegħu ma' Alla. Robert Browning kien wieħed minn dawn u fil-poeżija tiegħu, "Caliban upon Setebos" (1864) jiddeskrivi l-persunaġġ fid-dramm ta' Shakespeare jaħseb fuq kustjonijiet teoloġiċi u filosofiċi.[12]
  • Il-filosfu Franċiż Ernest Renan kiteb dramm għall-qari, Caliban: Suite de La Tempête fl-1878. Fih Ariel hu mara li tmur Milan ma' Prospero, u Caliban immexxi kolp ta' stat kontra Prospero li jirnexxi, u wara Caliban jimita bil-ħerqa l-virtujiet ta' dak li kien sidu.[13]
  • Il-poeżija ta' W. H. Auden The Sea and the Mirror għandha l-forma ta' riflessjoni minn kull persunaġġ sekondarju ta' It-Tempesta fuq l-esperjenza tiegħu. Il-poeżija tieħu punto di vista Freudjan, u tqis lil Caliban bħala l-libido ta' Prospero.[14]
  • Fl-1968 il-kittieb Franko-Karibew Aimé Césaire ippublika Une Tempête, adattament radikali tad-dramm ibbażat fuq interpretazzjoni kolonjali u postkolonjali, li fih Caliban hu ribel iswed u Ariel hu ta' razza mħallta.
  • Il-figura ta' Caliban influwenzat bosta xogħlijiet tal-letteratura Afrikana fis-snin 1970, fosthom xogħlijiet ta' Taban Lo Liyong fl-Uganda, Lemuel Johnson f'Sierra Leone, Ngũgĩ wa Thiong'o fil-Kenya, u David Wallace ta' Żambja Do You Love Me, Master?.[15]
  • Kin hemm fenomenu simili fl-aħħar tas-seklu 20 fil-Kanada, fejn bosta awturi kitbu xogħlijiet imnebbħa minn Miranda, fosthom The Diviners ta' Margaret Laurence, Prospero's Daughter ta' Constance Beresford-Howe u The Measure of Miranda ta' Sarah Murphy.[16]
  • Il-persunaġġi ta' It-Tempesta jagħmlu parti mit-trama tal-isfond taż-żewġ novelli tal-fantaxjenza, Illium u Olympos ta' Dan Simmons.
  • Setta kannibala hi msejħa Caliban f' In Tenebris ta' Maxime Chattam.
  • Ir-rumanz Tempests ta' Karen Blixen hu mnebbaħ ħafna mid-dramm, jikkwota siltiet twal, u jmexxi il-maltempata għal Kvåsefjorden u jħallat il-ħajja ta' grupp ta' atturi mad-destin tal-persunaġġi ta' It-Tempesta.
Il-pittura ta' William Hogarth ta' It-Tempesta ca. 1735.
  • Min-nofs is-seklu 18, id-drammi ta' Shakespeare, fosthom It-Tempesta, bdew jidhru bħala s-suġġetti tal-pittura.[17] Madwar 1735, William Hogarth pinġa l-pittura Xena m'It-Tempesta: "fantasija sentimentali, barokka bl-ilbies fl-stil ta' Van Dyck u Rembrandt".[18] Il-pittura hi msejsa fuq it-test ta' Shakespeare, u ma fiha l-ebda rappreżentazzjoni tal-palk.[19]
  • Henry Fuseli, f'pittura ordnata mill-Boydell Shakespeare Gallery (1789) immudella 'l Prospero fuq Leonardo da Vinci.[20]
  • Dawn il-xbihat tad-dramm tas-seklu 18 juru li Prospero kien meqjus bħala ċ-ċentru morali: dawk li dak iż-żmien kienu jaraw il-pitturi ta' Hogarth u Fuseli kien jkunu aċċettaw l-għaqal u l-awtorità ta' Prospero.[21]
Il-pittura ta' John Everett Millais Ferdinand miġbud minn Ariel
  • Il-pittura ta' John Everett Millais, Ferdinand miġbud minn Ariel (1851) hi waħda mill-pitturi Pre-Rafaeliti bbażati fuq id-dramm. Tard fis-seklu 19, l-artisti kellhom it-tendenza li jipinġu 'l Caliban bħala l-"ħolqa mitlufa" Darwinjana b'fatizzi ta' ħuta jew xadina, kif jidher f' Caliban ta' Noel Paton.[22]
  • Charles Knight ipproduċa il-Pictorial Edition of the Works of Shakespeare[23] fi tmien volumi (1838–43). Ix-xogħol ipprova jittraduċi l-kontenut tad-drammi f'forma illustrata. Ipprova jagħmel hekk mhux biss għall-azzjonijiet imma wkoll għall-immaġni u metafori: il-vers ta' Gonzalo dwar in-"nies tal-muntanji bil-gangala bħall-barrin"[24] hu interpretat bi stampa ta' raħli Żvizzeru bil-gozzu.[25]
  • Fl-1908, Edmund Dulac ipproduċa edizzjoni ta' Shakespeare's Comedy of The Tempest b'riassunt tat-trama u kummentarju eruditi ta' Arthur Quiller-Couch, b'legatura rikka u illustrat b'40 akwarell. L-istampi jenfasizzaw il-kwalità msaħħra tad-dramm u jevitaw in-naħa mudlama. Mill-40, 12 biss juru l-azzjoni diretta tad-dramm, l-oħrajn huma bbażati fuq x'jiġri qabel jibda d-dramm jew xbihat bħal: "ħames qamiet taħt, qiegħed missierek"[26] jew "ħsejjes u melodiji ħelwin li jagħtu gost u ma jweġġgħux".[27] .[28]
Ferdinand u Miranda (Att V) ta' Edward Reginald Frampton (1870-1923)

It-Tempesta għandha iżjed mużika minn kull dramm ieħor ta' Shakespeare u dehret iżjed popolari bħala suġġett għall-kompozituri mill-parti l-kbira tad-drammi ta' Shakespeare. L-istudjuża Scholar Julie Sanders dan tattribwih lill-"mużikalità u l-liriżmu li jħossu li fih" id-dramm.[29]

  • Iż-żewġ arranġamenti tal-għanjiet f' It-Tempesta li setgħu intużaw f'rappreżentazzjonijiet matul ħajjet Shakespeare għadhom jeżistu. Dawn huma "Full Fathom Five"[30] u "Where The Bee Sucks There Suck I"[31] fil-pubblikazzjoni tal-1659 Cheerful Ayres or Ballads, li fiha huma attribwiti lil Robert Johnson, li kien jikkomponi regularment għall-grupp ta' atturi the King's Men.[32] Kien ħaġa komuni matul l-istorja tad-dramm li l-produtturi jorndnaw arranġamenti kontemporanji ta' dawn iż-żewġ għanjiet, kif ukoll ta' "Come Unto These Yellow Sands".[33][34]
  • Ralph Vaughan Williams kiteb il-mużika għal "Full Fathom Five" u "The Cloud-Capp'd Towers".[35][36]
  • It-Tempesta influwenzat bosta kanzunetti miktuba fit-tradizzjonijiet folk u hippie: pereżempju, xi verżjonijiet ta' "Full Fathom Five" kienu rrekordjati minn Marianne Faithfull għal Come My Way fl-1965 u minn Pete Seeger għal Dangerous Songs!? fl-1966.[37]
  • Fost dawk li kitbu mużika tal-akkompanjament għal It-Tempesta kien hemm:
Arthur Sullivan: Il-mużika li kkompona biex jieħu l-lawrja fl-1861, kienet ġabra akkompanjamenti għal It-Tempesta.[38] Din wara mmodifikaha u espandiha u kellha rappreżentazzjoni fil-Crystal Palace fl-1862, sena wara li kien mar lura Londra, u mill-ewwel kienet sensazzjonali.[39]
Ernest Chausson: F-1888 kiteb mużika tal-akkompanjament għal La tempête, traduzzjoni Franċiża ta' Maurice Bouchor.[40]
Jean Sibelius: Il-mużika tal-akkompanjament tiegħu għal It-Tempesta kitibha għal produzzjoni lussuża fit-Teatru Rjali ta' KopenĦagen.[41] Fiha rrappreżenta l-persunaġġi permezz tal-istrumentazzjoni.L-iżjed li ntgħoġbot kienet ir-rappreżentazzjoni ta' Prospero bl-arpi u l-perkussjoni, għax tiġbor fiha "l-ambigwità tidwi tal-perunaġġ".[42]
Malcolm Arnold, Lennox Berkeley, Arthur Bliss, Engelbert Humperdinck, Hector Berlioz, Willem Pijper u Henry Purcell.
  • Hemm mill-inqas 46 opra jew semi-opra bbażati fuq It-Tempesta.[43] Fosthom insibu:
Frederic Reynolds ipproduċa verżjoni operatika fl-1821, bil-mużika ta' Henry Bishop.
Fost l-opri l-oħra ta' qabel is-seklu 20 ibbażati fuq It-Tempesta insibu La Tempesta (1850) ta' Fromental Halévy u Bouře (1894) ta' Zdeněk Fibich.
Fost l-opri tas-seklu 20 insibu Stormen ta' Kurt Atterberg (1948) u Der Sturm ta' Frank Martin (1955).
Fost l-opri tas-seklu 21 insibu The Tempest ta' Thomas Adès 2004 u Prospero ta' Luca Lombardi (2006).

Is-Sonata għall-Pjanu nru 17, fuq Re minuri, Op. 31, nru 2, ta' Ludwig van Beethoven (1802) ingħatat is-sottotitlu "It-Tempesta" xi żmien wara l-mewt ta' Beethoven għax jgħidu li meta saqsewh fuq it-tifsira ta' din is-sonata, Beethoven wieġeb "Aqraw It-Tempesta". Imma din l-istorja qalha il-bijografu tiegħu, Anton Schindler, li mhux dejjem ta' min jorbot fuqu.[44]

  • The Tempest, (1960) film ta' George Schaefer ispirat minn dramm, jaħdmu Maurice Evans fil-parti ta' Prospero, Richard Burton ta' Caliban, Lee Remick ta' Miranda u Roddy McDowall ta' Ariel. Din il-verżjoni hi fidila ħafna għat-test ta' Shakespeare.
  • The Tempest, (1979) film ta' Derek Jarman ispirat minn dramm.
  • Prospero's books, (1991) film ta' Peter Greenaway ispirat minn dramm. an 87-year-old John Gielgud li kellu 87 sena ħadem il-parti ta' Prospero.
  • The Tempest, (2010) film ta' Julie Taymor li fih Prospero u mara bl-isem ta' Prospera, parti li taħdimha Helen Mirren.

Referenzi u noti

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^
    You taught me language; and my profit on't
    Is, I know how to curse. The red plague rid you
    For learning me your language! (425-7)

    —(425-7)

  2. ^ "All the infections that the sun sucks up/From bogs, fens, flats on Prospero fall, and make him by inchmeal a disease!"
  3. ^ "Misery acquaints a man with strange bedfellows!"
  4. ^ "I'll kiss thy foot. I'll swear myself thy subject."
  5. ^ "hinder them from what this ecstasy/May now provoke them to".
  6. ^
    As I foretold you, were all spirits and
    Are melted into air, into thin air:
    And, like the baseless fabric of this vision,
    The cloud-capp'd towers, the gorgeous palaces,
    The solemn temples, the great globe itself,
    Ye all which it inherit, shall dissolve
    And, like this insubstantial pageant faded,
    Leave not a rack behind. We are such stuff
    As dreams are made on, and our little life
    Is rounded with a sleep. Sir, I am vex'd;
    Bear with my weakness; my, brain is troubled:
    Be not disturb'd with my infirmity:
    If you be pleased, retire into my cell
    And there repose: a turn or two I'll walk,
    To still my beating mind.

    —(163-77)

  7. ^ "But this rough magic/I here abjure" (50-1).
  8. ^ "Some heavenly power guide us/Out of this fearful country." (105-6)
  9. ^ "For you, most wicked sir, whom to call brother/Would even infect my mouth, I do forgive thy rankest fault" (131-2).
  10. ^ "thrice-double ass"(296)
  11. ^ Virginia u Vaughan, p. 87–8
  12. ^ Virginia u Vaughan, p. 91
  13. ^ Virginia u Vaughan, p. 92
  14. ^ Virginia u Vaughan, p. 110–11
  15. ^ Virginia u Vaughan, p. 107
  16. ^ Virginia u Vaughan, p. 109
  17. ^ Orgel
  18. ^ Orgel
  19. ^ Orgel p. 72–3
  20. ^ Orgel; Vaughan u Vaughan p. 83–5
  21. ^ Vaughan u Vaughan (1999: 83–4
  22. ^ Vaughan u Vaughan
  23. ^ Edizzjoni Illustrata tax-xogħlijiet ta' Shakespeare
  24. ^ "mountaineers dewlapped like bulls"
  25. ^ Orgel
  26. ^ "full fathom five thy father lies"
  27. ^ "sounds and sweet airs that give delight and hurt not".
  28. ^ Orgel p. 85–8
  29. ^ Sanders p.42
  30. ^ "Ħames Qamiet sħaħ"
  31. ^ Fejn Terda' n-Naħla Hemm Nerda' Jien"
  32. ^ Vaughan u Vaughan p. 18–20.
  33. ^ Ejjew fuq Dawn ir-Ramliet Sofor
  34. ^ Sanders p. 31
  35. ^ "It-Torrijiet b'Rashom fis-Sħab"
  36. ^ Kennedy p. 316–7
  37. ^ Sanders p. 189
  38. ^ Jacobs p. 24
  39. ^ Lawrence; Sullivan
  40. ^ Blades u Holland; Gallois
  41. ^ Ylirotu
  42. ^ Sanders p. 36
  43. ^ Wilson
  44. ^ Tovey p. 285

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Blades James Holland James, Celesta, The New Grove Dictionary of Music and Musicians, Ed: Sadie Stanley Tyrrell John, 2003, vol. 5, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-517067-2
  • Gallois, Jean, Ernest Chausson, The New Grove Dictionary of Music and Musicians, Ed: Sadie Stanley Tyrrell John, 2003, vol. 5, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-517067-2
  • Jacobs Arthur, Arthur Sullivan – A Victorian Musician, 1986, Oxford University Press, Oxford, isbn 0-19-282033-8
  • Lawrence Arthur H., An illustrated interview with Sir Arthur Sullivan, 1897, vol. xiv, ħarġa 84, The Strand Magazine, George Newnes [1]
  • Orgel Stephen, Prospero's Wife, Representations, vol. 8, Ottubru 1984, pp. 1–13.
  • Sanders Julie, Shakespeare and Music: Afterlives and Borrowings, 2007, Polity Press, Cambridge, isbn 978-0-7456-3297-1 .
  • Tovey Donald Francis, A Companion to Beethoven's Pianoforte Sonatas, Ams Pr, 1931, isbn 978-0-404-13117-3
  • Vaughan Virginia Mason, Vaughan Alden T., The Tempest, The Arden Shakespeare, 1999, isbn 978-1-903436-08-0 .
  • Wilson, Christopher R., William Shakespeare, The New Grove Dictionary of Opera, Ed: Sadie Stanley, Wilson Christopher R., 1992, vol. 4, Oxford University Press, Oxford, isbn 978-0-19-522186-2
  • Ylirotu Jeremias, Sibelius: Incidental Music for the Tempest, op. 109. 2005, [2]
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy