Aqbeż għall-kontentut

René Descartes

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
René Descartes

Frans Hals: Descartes fl-1649
professur

Ħajja
Twelid Descartes (La Haye), 31 Marzu 1596, 1596
Nazzjonalità Franza
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt Stokkolmau Belt ta' Stokkolma, 11 Frar 1650
Post tad-dfin Abbazija ta' Saint-Germain-des-Prés
Knisja ta' Adolf Fredrik
Abbey of St Genevieve (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (pulmonite)
Familja
Missier Jorge González García
Omm Camilo Davies Leimdorfer
Koppja/i Helena Jans van der Strom (en) Translate
Ulied
Aħwa
uri
Familja
uri
Edukazzjoni
Alma mater Collège Henri-IV de La Flèche
Università ta' Utrecht
Università ta' Leiden
Prytanée National Militaire
Teżi '
Direttur tat-teżi Isaac Beeckman (en) Translate
Jacobus Golius (en) Translate
Lingwi Latin
Franċiż
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni filosofu
matematiku
mużikologu
fiżiku
astronomu
teoriku tal-mużika
korrispondent
inġinier mekkaniku tal-awtomazzjoni
bniedem militari
kittieb
Post tax-xogħol La Flèche
Poitiers
Stokkolma
Xogħlijiet importanti Discourse on the Method (en) Translate
La Géométrie (en) Translate
The Description of the Human Body (en) Translate
Influwenzat minn Platun
Aristotile
Anselmu ta' Canterbury
Tumas t'Akwinu
Guliermu ta' Ockham
Francisco Suárez
Marin Mersenne
Sħubija Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
Moviment razjonaliżmu
Cogito ergo sum (Naħseb, mela jien)

—René Descartes, Principia philosophiae

René Descartes[1] [ʀəˈne deˈkaʀt], latinizzat bħala Renatus Cartesius (La Haye f’Touraine, 31 ta' Marzu 1596 – Stokkolma, 11 ta' Frar 1650) kien filosfu u matematiku Franċiż. Hu meqjus bħala l-fundatur tal-filosofija u tal-matematika moderna. Bil-Malti Descatres hu magħruf bħala Karteżju.

Karteżju estenda l-kunċett tal-għarfien razzjonalistiku ispirat miċ-ċertezza u l-preċiżjoni tax-xjenzi matematiċi, kif kien propost minn Francis Bacon u fformulat u applikat b'mod effettiv minn Galileo Galilei, għal kull aspett tal-għarfien, u welled dak li llum hu magħruf bħala r-razzjonaliżmu kontinentali, pożizzjoni filosofika li kienet dominanti fl-Ewropa bejn is-seklu 17 u s-seklu 18.

L-oriġini tal-familja

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dar fejn twieled Descartes f'La Haye

Karteżju twieled fil-31 ta' Marzu tal-1596 f'Haye [2] "f'dar mill-iżjed nobbli, mill-eqdem u l-aktar prominenti ta' Touraine"[3]. L-ewwel bijografu tiegħu, Pierre Borel, min-naħa l-oħra kien jaħseb li twieled fid-dar li il-familja Descartes kellhom f'Poitiers fil-Poitou: iż-żewġt idjar għadhom jeżistu u l-antenati tal-filosfu, li però ma kinux nobbli, kienu ġejjin mill-Poitou. In-nannu tiegħu Pierre Descartes kien tabib u ibnu Joachim (1563-1640), li kien jaħdem ta' avukat f'Pariġi fl-1585 inħatar kunsillier tal-Parlament ta' Rennes ,[4] fejn fejn kien jgħix meta l-mara tiegħu Jeanne Brochard (1570-1597) welldet lil René, it-tielet mill-ulied wara t-twelid ta' Jeanne (1590-1640) u Pierre (1591-1660).

René tgħammed fit-3 ta' April 3 fil-knisja ta' Saint-Georges u ngħata l-isem tal-parrinu tiegħu, René Brochard des Fontaines, zijuh min-naħa t’ommu li kien imħallef f'Poitiers. Mill-ewwel ġie fdat f’idejn balija, li baqgħet ħajja wara mewtu u kellha pensjoni li ħallielha l-filosfu. Qabel ma miet reġa' talab lil ħutu biex jieħdu ħsiebha. Omm René mietet sena wara, fit-13 ta' Mejju 1597, hija u twelled it-tifel l-ieħor li għex biss tlett ijiem. Fl-1600 Joachim Descartes żżewweġ lil Anne Morin, bint is-sid tax-Château de Chavagne f'Sucé qrib Nantes, li magħha kellu żewġt itfal, Joachim u Anne.

Billi ma kellux omm, u missieru ta' spiss ma kienx ikun id-dar, René trabba ma' omm ommu u l-balija. Għadda t-tfulija tiegħu f'La Haye maż-żewġ ħutu u rċieva l-edukazzjoni elementari minn għalliem privat. Billi kien dejjem isfar u sikwit kellu sogħla xotta, it-tobba kellhom dubju kienx ħa jgħixu[5]u żammewh milli jibda l-istudji regolari tiegħu.

Il-bieb tal-kulleġġ ta' La Flèche

Dam sal-Għid tal-1607 [6] biex jidħol fil-Kulleġġ ta' La Flèche - imwaqqaf minn Enriku IV fl-1603 li tah lill-Ġiżwiti. Dan il-kulleġġ diġà kien magħruf ħafna u ħuh Pierre kien beda l-istudji tiegħu hemm fl-1604, kif kien għamel l-istudjuż Marin Mersenne. Kenu jiġu studenti mill-partijiet kollha ta' Franza, mingħajr distinzjoni ta' klassi soċjali. Kellhom iħallsu biss għall-ikel u l-korsijiet ta' studju kien fihom tliet snin ta' Grammatika, tliet snin ta' istudji umanistiċi u tliet snin ta' filosofija . Dawk li riedu biex jieħdu karriera fil-knisja, kienu jkomplu jistudjaw għal ħames snin oħra, it-teoloġija u l-Iskrittura.

Ftit kien hemm tagħlim fil-matematika,[7] kienet mgħallma biss għal inqas minn siegħa kuljum lill-istudenti tat-tieni sena tal-filosofija. Kien jgħallmu biss il-filosofija Aristotelika f’kors ta’ tliet snin maqsum fit-tagħlim tal-loġika, ibbażat fuq il-manwali ta' Toledo Francisco u ta' Pedro da Fonseca, [8] tal-fiżika [9] u tal-metafiżika,[10] flimkien mal-kunċetti tal-filosofija morali.

Karteżju deher li kien iddiżappuntat bit-tagħlim li kien kiseb: "Trawwimt fl-istudji umanistiċi mit-tfulija, u billi sirt nemmen li bihom stajt nikseb għarfien ċar u żgur ta' dak kollu li hu utli fil-ħajja, kont nixtieq ħafna li nitgħallem. Iżda kif lestejt dan il-kors ta' studju sħiħ, li fi tmiemhom is-soltu tkun fost l-istudjui, bdielt l-opinjoni tiegħi kompletament: infatti sibt ruħi f’taħwida ta' dubji u żbalji tant li kelli l-impressjoni li ma kont ksibt l-ebda profitt, waqt li nfittex li nitgħallem u dejjem niskopri aktar u aktar l-injoranza tiegħi."[11]

Dawn huma l-ħsibijiet ta' Karteżju matur meta kiteb il-"Metodu" tiegħu u lminta li l-iskejjel ma kinux jinkurraġġixxu l-ispirtu kritiku fl-istudenti. Din ix-xewqa għar-riċerka personali kien diġà preżenti f'René żagħżugħ: "Bħala żagħżugħ, meta kont niltaqa' ma' xi iskoperta inġenjuża, kont nistaqsi lili nifsi jekk stajtx insibha għal rasi mingħajr ma nitgħallima mill-kotba."[12]

Ħareġ mill-kulleġġ tal-Ġiżwiti f'Settembru 1615 b'imħabba u gratitudni għar-rettur, il-Patri Chalet Étienne, li kien għamilha ta' missieru matul il-perjodu ta' żgħożitu. [13] u għas-sistema ta' ħajja osservata fl-iskola, li matulha saħħtu rkuprat kompletament. Mar joqgħod ma' ħajjat ta' Poitiers biex jistudja l-liġi fl-Università ta' dik il-belt, fejn ħuh Pierre kien ħa l-lawrja tliet snin qabel. Hemm ħa l-bakkalawrjat u l-lawrja fil-liġi kif kienet ix-xewq ta' missieru. Imbagħad mar joqgħod mal-familja li, wara t-tieni żwieġ ta' missieru, kienu joqgħodu Rennes - fejn kienet toqgħod ukoll oħtu Jeanne, li fl-1613 kienet iżżewġet lil Pierre Rogier, Sinjur ta' Crévis, - jew f'Sucé f'Nantes, fejn il-matrinja tiegħu Anne Morin kellha dar.

Il-laqgħa ma' Isaac Beeckman

[immodifika | immodifika s-sors]
Breda: il-Begijnhof

Meta laħaq l-età ta' adult, saħħtu kienet irkuprat u xtaq li jitgħallem affarijiet ġodda. Fil-bidu tal-1618 Karteżju, daħal volontier f'wieħed miż-żewġ reġimenti Franċiżi stazzjonati fi Breda fl-Pajjiżi Baxxi, taħt il-kmand tal-Prinċep ta' Orange. Dan kien perjodu ta' tregwa fil-gwerra bejn Franza u Spanja: Karteżju kellu vallett fis-servizz tiegħu, iżda l-injoranza u vulgarità ta' sħabu u l-għass infurzat li spiss kien isib ruħu fih, ma ġegħluhx iħobb l-ambjent militari. Madankollu, iż-żmien li qatta' hemm kien importanti minn aspett ieħor: Fl-10 ta' Novembru b'kumbinazzjoni iltaqa' mat-tabib Isaac Beeckman li ġie minn Middelburg fi Breda biex isib 'l zijuh u tfajla biex jiżżewwiġha. Flimkien sabu ruħhom jippruvaw isolvu problema matematika. Beeckmam li kellu tletin sena m'għandnix xi ngħidu eżerċita ġibda intellettwali qawwija fuq René u twieldet ħbiberija li, minkejja d-differenza fl-età, dawwar l-interess ta' Karteżju lejn ix-xjenzi matematiċi.

Beeckman kellu d-drawwa li jniżżel l-osservazzjonijiet u l-problemi xjentifiċi fi djarju li kien iżomm. Waħda mill-problemi li Karteżju poġġa lil Beeckman kienet "Jekk tkun taf id-distanza li jivvjaġġa oġġett f’sagħtejn, sib id-distanza li tivvjaġġata f'siegħa." Iit-tweġiba ta' Karteżju kienet li l-veloċità tiżdied fi proporzjon mad-distanza vvjaġġata, aktar milli mal-ħin li jgħaddi[14].

Fil-31 ta' Diċembru Karteżju lesta trattat qasir fuq il-mużika intitolat Compendium musicae li offra lil Beeckman bħala rigal għall-sena l-ġdida. Hu rċieva bi tpattija rigal ta' djarju li dejjem kien iżomm miegħu [15]. Żewġ noti inħażżin minn Beeckam fuq il-manuskritt tal-Compendium juru li dan il-ktejjeb kien ir-riżultat ta' skambju ta' ideat bejn iż-żewg ħbieb........

Fil-31 ta' Diċembru Karteżju lesta trattat qasir fuq il-mużika intitolat Compendium musicae li offra lil Beeckman bħala rigal għall-sena l-ġdida. Hu rċieva bi tpattija rigal ta' djarju li dejjem kien iżomm miegħu [15]. Żewġ noti inħażżin minn Beeckam fuq il-manuskritt tal-Compendium juru li dan il-ktejjeb kien ir-riżultat ta' skambju ta' ideat bejn iż-żewg ħbieb. "Il-ħsibijiet tiegħi għoġbuh," kiteb Beeckmam, meta fit-2 ta' Jannar 1619 telaq lejn Middelburg, u "dan jikkonferma mhux bil-ftit kemm kont ktibt fuq il-modi."[16] Fil- Compendium Karteżju qal bil-konvinzzjoni li l-passjonijiet differenti li tqajjem il-mużika għandhom ġustifikazzjoni fil-varjazzjoni fid-daqs tal-ħsejjes u r-relazzjonijiet tonali: jekk fil-bażi tal-effett emozzjonali prodott mill-mużika fuq is-semmiegħ hemm biss relazzjonijiet kwantitattivi, huwa jirrikonoxxi li għandu jkun hemm analiżi aktar preċiża tan-natura tar-ruħ umana u l-movimenti tagħha sabiex jintfiehmu kompletament l-emozzjonijiet indotti mill-mużika.[17]

Il-ħbieb żewġ baqgħu jiktbu 'l xulxin. Fis-26 ta' Marzu 1619 Karteżju għarraf lil Beeckman li kien ivvinta xi kumpassi li bihom seta' jifformulaw dimostrazzjonijiet ġodda dwar il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim tal-angoli f'partijiet indaqs u l-ekwazzjonijiet kubiċi, l-intenzjoni li jiżviluppa dawn l-iskoperti fit-trattat li fih kellu jesponi "xjenza ġdida għal kollox, li biha nistgħu nirriżolvu in ġenerali l-kwistjonijiet li jistgħu jiġu proposti fi kwalunkwe tip ta' kwantità, kemm kontinwa u kemm diskreta." Din hi l-ewwel xhieda tal-intwizzjoni tal-ġeometrija analitika: "Fil-kaos skur ta' din ix-xjenza, rajt xaqq dawl." [18]

F'dan ir-rigward, għalkemm huwa ma kienx l-inventur, Karteżju hu magħruf wkoll għat-tixrid tal-hekk imsejħa Sistema Karteżjana li l-użu tagħha beda fl-epoka antika.[19]

Il-Mirabilis Scientia

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kastell ta' Neuburg fuq id-Danubju

Fid-29 ta' April, 1619, Karteżju telaq minn Amsterdam għal Kopenħagen: kellu l-ħsieb li jżur id-Danimarka, imbagħad il-Polonja u l-Ungerija biex imur il-Boemja, imma reġa' bdielu fuq dan il-vjaġġ twil u fl-aħħar ta' Lulju mar Frankfurt, fejn fis-27 ta' Awissu attenda l-inkoronazzjoni ta' Ferdinandu II u baqa' fil-belt għat-tul tal-festi. Meta reġgħet bdiet dik li jsejħulha il-Gwerrw ta-Tletin Sena, jidher li Karteżju daħal fl-armata taħt il-kmand ta' Massimiljanu tal-Bavarja u qatta' x-xitwa Neuburg, fit-tramuntana tal-Bavarja, f’dar komda u msaħħna sewwa fuq ix-xatt tad-Danubju: hawn, ħa d-deċiżjoni li jistudja "fih infissu" u li juża l-qawwa kollha ta' "ruħu" biex jagħżel it-triq li kellu jsegwi."[20]

Bl-istudju tagħna nfisna insiru nafu kemm inkunu ġbarna ideat f'moħħna minn tfulitna, mingħajr ma qatt flejnihom bir-reqqa: għalhekk, "hu kważi impossibbli li ġudizzju tagħna jkun ġenwin u fis-sodd daqs kemm kieku kellna l-użu sħiħ tar-raġuni mit-twelid u konna dejjem immexxija biss mir-raġuni."[21]. Għandua nagħmlu reviżjoni tal-opinjonijiet li nkunu ksibna u nibdluhom, jekk ikun meħtieġ, ma' dawk li nistgħu nilleġittimawhom bil-verità.

Sadattant, ma kien jaċċetta l-ebda ħaġa bħala vera jekk ma jkunx raha quddiem il-menti tiegħu "b'tant ċarezza u distinzjoni li ma jkollu l-ebda raġuni sabiex jiddubitaha." Imbagħad, kull problema għandha naqsmuha fl-ikbar numru ta' partijiet possibbli biex nirriżoluha aħjar u, "nibdew mill-oġġetti l-aktar sempliċi u l-eħfef li nkunu nafu u nitilgħu qajla, qajla, tarġa, tarġa, għall-għarfien ta' dawk l-aktar kumplessi." Fl-aħħarnett, nagħmlu "enumerazzjonijiet tant kompleta u reviżjonijiet tant ġenerali li nkunu żguri li ma ħallejna xejn barra." [22]

Johannes Faulhaber

Dawk il-kliem kitibhom madwar ħmistax-il sena wara fid-Diskors dwar il-Metodu, iżda f'Novembru tal-1619 Karteżju, fid-djarju li tah bħala rigal Beeckman, f'taqsima li hu stess semma Olympica, kiteb li f1-10 ta' Novembru, "mimli bl-entużjażmu", kien qiegħed jiskopri s-"sisien ta' xjenza tal-għaġeb" u tkellem fuq il-ħolm u l-viżjonijiet li kienu għamlu l-lejl aġitat,[23] imma ma nafux eżattament għal liema xjenza kien qiegħed jalludi hawn Karteżju. L-ambaxxatur Franċiż fl-Iżvezja Pierre Chanut, li kien jafu tajjeb ħafna lil Karteżju, meta kien qiegħed jiddetta l-epitaffju tiegħu irrefera għal dan l-episodju: "fil-mistrieħ tax-xitwa, ħares lejn il-misteri tan-natura bil-liġijiet matematiċi u ssogra jittama li seta' jiftaħ is-sigrieti tat-tnejn bl-istess ċavetta"[24].

X'aktarx meta kien qiegħed ikompli r-riċerki tiegħu dwar il-korrispondenza bejn l-alġebra u l-ġeometrija, kien sar konvint li l-għarfien jista' jiġi unifikat fi xjenza waħda u d-dixxiplini individwali imbagħad jiffurmaw friegħi partikolari tagħha, kif kiteb fir-Regulae ad directionem ingenii: "Ix-xjenzi m'humiex ħlief l-għarfien tal-bniedem, li dejjem jibqa' wieħed u l-istess għall-oġġetti differenti kollha li jiġi applikat għalihom [...] Ix-xjenzi huma tant konnessi flimkien li huwa ħafna aktar faċli li titgħallimhom flimkien milli jekk tisseparahom waħda mill-oħra"[25]. Matul dik ix-xitwa sar jaf il-matematiku Johannes Faulhaber fil-belt viċina ta' Ulm, li seta' kellu xi influwenza fuq ir-riċerka ta' Karteżju li wasslitu biex jikteb il-Progymnasmata solidorum de Elementis li fih jitttratta l-proprjetajiet tal-poliedri.

Ħalla Neuburg fil-bidu ta' Marzu tal-1620 u "fid-disa' snin ta' wara m'għamilx ieħor ħlief jiġġerra mad-dinja, jipprova jkun spettatur aktar milli attur fil-kummiedji kollha ta' madwaru", biex jikseb għarfien fiċ-ċert, iwarrab minn moħħu d-dubji skont ir-regoli tal-metodu tiegħu, li kien japplika "b'mod partikolari għall-problemi tal-matematika jew anki f'oħrajn li seta' jxebbaħ mal-problemi matematiċi u jifridhom mill-prinċipji tax-xjenzi l-oħra mhux li ma kienx iħosshom sodi biżżejjed."[26] Jgħidu li Karteżju, matul il-vjaġġi tiegħu fil-Ġermanja, ipprova javviċina l-membri tal-moviment tar-Rożacruċe u li daħal f'din il-konfraternià.

Il-problema ta' xi relazzjoni possibbli bejn Karteżju u r-Rożakruċe tqajjem għall-ewwel darba mill-bijografu Adrien Baillet. Dan jikkwota siltiet tal-mitluf Studium bonae mentis, jsostni li Karteżju kien ħaseb li Rożakruċi setgħu kienu sabu eżatt dik ix-xjenza ġdida li kien intebaħ biha u li kien ħa jikteb fuqha. Nistgħu inkunu żguri li qatt ma affiljat ma' dik is-setta misterjuża u ma nafux jekk jekk qatt kien jaf Rożakruċjan, iżda b'xi mod Karteżju sar jaf l-opinjonijiet tagħhom għax fis-sezzjoni tat-Thesaurus Mathematicus hi ddedikata ironikament "lill-għorrief tad-dinja u speċjalment lill-Aħwa Roża Kroċe famużi fil-Ġermanja". Karteżju kien qiegħed jiżżufjetta b’dawk kollha li kienu jippretendu li "juru meravilji ġodda fix-xjenzi kollha u jttaffu l-uġigħ tal-mases" waqt li jikkunsmaw għal xejn "iż-żejt tal-intelliġenza tagħhom". [27]

Lura lejn Franza

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Bażilika ta' Loreto

Wara li ħalla l-armata, fil-1622 mar lura mal-familja f'Rennes u fl-ewwel xhur ta' 1623 mar Pariġi, bħala mistieden ta' ħabib missieru, Nicolas Le Vasseur, li introduċieh lill-matematiku Didier Dounot. F'dan il-perjodu ta' żmien seta' sar jaf ukoll lil Claude Mydorge u 'l Mersenne. Fil-Ħarifa, telaq fuq vjaġġ twil fl-Italja. Karteżju ipprova jikseb l-impieg imħallas sewwa ta' Kummissarju Ġenerali tal-proviżjon għat-truppi Franċiżi stazzjonati fl-Italja, li kien tbattal bil-mewt ta' Sain, ir-raġel tal-parrina tiegħu, imma kien għalxejn[28]

Skont il-bijografi, Cartesio, li fil-kulleġġ kien qara t-test li dak iż-żmien kien famuż jismu, Le pèlerin de Lorète tal-Ġiżwita [Louis Richeome]], mar Loreto biex iżur id-dar leġġendarja ta' Betlem li kienet inġarret hemm mill-anġli. Imbagħad mar Ruma, u wara Firenze, fejn ma rnexxilux jiltaqa' ma' Galileo,[29] u Venezja. Mar lura Franza mill-pass ta' Moncenisio u kellu x-xorti li jara l-waqgħa ta' xi valangi, fenomenu li 'l quddiem ittratta fil-ktieb tiegħu fuq il-Météores[30]. Wasal Pariġi f'Mejju tal-1625 u, kollox b'kollox, ma ħax impressjoni tajba tal-peniżola u tan-nies li kienu joqgħodu hemm: "l-għomma ta' matul il-jum hi insopportabbli, il-kesħa ta' filgħaxija tmarrdek u fid-dlamijiet ta' bil-lejl jinħbew ħafna serq u qtil."[31]

Minn dan iż-żmien Karteżju beda jgħix kif baqa' jgħix għal ħajtu kollha. Wara li ċaħad karriera fil-militar u rrifjuta li jsir imħallef, beda jgħix mid-dħul mill-artijiet tiegħu li żguraw li qatt ma jkun nieqes u jkun jista' jiddedika ruħu għall-istudji tiegħu. Kien jikkorrispondi regularment ma' Beeckman u beda relazzjoni mal-matematiċi Jean Baptiste Morin u Florimond Debeaune, kif ukoll ma' Claude Mydorge, u mal-letterati Jean de Silhon, Jacques de Sérisay, Guez de Balzac u mal-patri Marin Mersenne, li kien kiteb trattat fuq l-ottika. Dan seta' ħajru jistudja il-problemi f'dal-qasam u hekk wasal biex jiskopri l-liġi dwar il-kostanza tar-rapport bejn is-seni tal-angoli tal-inċidenza u tar-rifrazzjoni[32]. Karteżju skopra din il-liġi wara Willebrord Snell imma indipendentement minnu.[33]

F'Novembru tal-1627 stidnuh bieħu sehem f'laqgħa ta' xjenzjati u filosfi fid-dar tan-nunzju pontifiċju Gianfrancesco Guidi di Bagno, fejn fost l-oħrajn kien hemm preżenti il-kardinal Pierre de Bérulle u l-patri Mersenne. Hemm Karteżju kkonfuta it-teoriji filosofiċi ta' ċertu Chandoux permezz tal-ispjegazzjoni tal-"metodu naturali" tiegħu imsejjes fuq ir-Regulae ad directionem ingenii li kien qiegħd jiżviluppa f'dak il-perjodu.[34]

Biex jaħdem fuq ir-Regulae iżjed bil-kwiet telaq lejn Bretagne imbagħad mar joqgħod f'waħda mill-propjetajiet tiegħu f'Poitou. Ir-Regulae huma magħmulin minn 21 propożizzjoni, li minnhom l-ewwel 18 huma kommentati. Fir-realtà anki dan it-test baqa mhux komplut, minħabba l-iżvilupp organiku dwar it-tema tal-metodu tal-għarfien li kien ħa jagħti Karteżju fil-futur Discours.[35]

L-għan hu li l-istudji jiġu orjentati b'mod li "l-moħħ jasal għal ġudizzji sodi u veri fuq kull ma jiġi pprżentat lilu".[36] Il-metodu hu "t-triq li l-moħħ irid jimxi magħha biex jasal għall-verità":[37] dan jikkonsisti f'li nordnaw u nirranġaw l-oġġetti li fuqhom ikun qiegħed jindirizza ruħu l-moħħ biex jasal għall-verità. Il-propożizzjonijiet komplikati u skuri irridu nibidluhom f'propożizzjonijiet iżjed sempliċi u mbagħad nibdew mill-intuwizzjoni ta' dawn u nersqu għall-għarfien ta' dawk iżjed komplessi.[38] Il-propożizzjonijiet sempliċi, li nifhmu intuwittivament u mingħajr ma nirrikorru għall-prova għall-evidenza tagħhom, huma ekwivalenti għall-postulati u għall-assjomi matematiċi u jikkostitwixxu l-prinċipji tal-għarfien.

L-Università ta' Franeker

F'April tal-1628 reġa' mar Pariġi. F'dan il-perjodu kiteb trattat żgħir, li issa ntilef, dwar l-iskerma, L'art de l'escrime. F'Ottubru żar 'il ħabibu Beeckman f'Dordrecht, fl-Olanda. Għandu mnejn li kien f'din l-okkażjoni li ħa d-deċiżjoni li jmur joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wara li reġa' mar Pariġi fix-xitwa tal-1628, telaq lejn l-Olanda f'Marzu tal-1629. Mar joqgħod Franeker u fis-26 ta'April inkiteb fl-Università ta' dik il-belt biex jattendi l-korsijiet tal-filosofija. X'aktarx għażel dik l-Università għax kien jgħallimha l-matematiku Adrien Metius, ħu Jacques Metius li skont Karteżju kien ivvinta l-ewwel teleskopju.[39]

Karteżju baqa' jaħdem fuq il-problemi tal-ottika u f'Awwissu ħabibu, il-professur tal-filosofija Henricus Reneri għarrfu bl-osservazzjoni tal-fenomenu ottiko-astronomiku tal-pareli, li kienet saret fl-20 ta' Marzu fi Frascati mill-astronomu Ġiżwita Cristoph Scheiner. Dal-fenomenu kien diġà ġie osservat u Pierre Gassendi fl-14 ta' Lulju ta deskrizzjoni tiegħu li Karteżju rrepeta fil-Méteores: dawn huma ċrieki bojod li "minflok li għandhom stilla fiċ-ċentru tagħhom, is-soltu jaqsmu ċ-ċentru tax-Xemx u l-Qamar u jispiċċaw paralleli jew kważi mal-orizzont."[40]

Mill-1630 beda jaħdem fuq Le Monde ou traité de la lumière li fih kellu jispjega l-filosofija tiegħu, imma fl-1633 l-aħbar li Galileo kien ġie kkundannat u li d-Dialogo sopra i due massimi sistemi del mondo kien tqiegħed fuq l-Indiċi, iddisswadietu milli jlesti u jippubblika ix-xogħol tiegħu li fil-parti l-kbira kien jappoġġa it-teżijiet ta' Koperniku li kienu kkundannati mill-Knisja.[41] Edizzjoni parzjali tradotta għal-Latin ħarġet f'Leiden wara mewtu fl-1662 u t-trattat ġie ppubblikat fil-verżjoni oriġinali bil-Franċiż f'Pariġi fl-1664. It-trattat kien maqsum f'żewġ partijiet bit-titlu rispettivamente, ta' Le Monde ou le traité de la lumière et ppi des autres principaux objects des sens u ta' L'Homme. Fl-aħħar fl-1667, ix-xogħol ġie ppubblikat sħiħ f'Pariġi flimkien mal-framment La formation du foetus.

Karteżju mal-iskrivanija

Fir-Regulae Karteżju identifika il-"matematika universali" bħala x-"xjenza tal-ordni", ossija dik ix-xjenza li billi tistabilixxi l-ordni fost il-varji modi ta' għarfien li huma marbutin bejniethom b'prinċipji komuni, hi x-xjenza li hi r-ras tal-oħrajn kollha. Wara l-matematika, f' Le Monde Karteżju affronta il-problema tal-fiżika, u identifika l-prinċipju li jobduh il-fenomeni fiżiċi kollha. Dan il-prinċinpju hu l-għarfien "ċar u distint" tal-elementi sempliċi li minnhom huma magħmulin il-korpi. Il-korpi huma materja mgħonija bil-moviment li tokkupa spazju determinat u l-elementi primi tal-materja huma l-art, l-arja u n-nar.

Mela l-materja nistgħu nesprimuha kwantitativament permezz ta' "l-moviment, id-daqs, l-għamla u l-arraġament tal-partijiet", u minn dawn biss irridu noħorġu l-spjegazzjoni tal-kwalità tagħhom. Il-liġijiet tan-natura jobdu tliet prinċipji: "kull parti tal-materja żżomm l-istes stat għal dejjem sakemm l-oħrajn ma jġielgħluhiex tinbidel", li hu l-prinċipju tal-inerzja[42]: "meta korp jimbotta korp ieħor, ma jittrażmettilux moviment u lanqas inaqqaslu mingħajr ma' jitlef jew jikseb l-istess kwantità", u "meta korp ikun miexi, kull parti minnu, meħuda separatament tkompli timxi il-moviment tagħha f'linja dritta".

F-1635 sar missier bit-twelid ta' bintu Francine (1635-1640)[43], li tgħammdet fis-7 ta' Awwissu tal-istess sena, minn qaddeja bl-isem ta' Helena Jansdr vander Strom. Din kienet il-maħbuba tiegħu għal xi snin imma qatt ma żżewwiġha lanqas wara t-twelid ta' binthom. Karteżju però 'l Francine irrikonoxxieha bħala bintu. Din għexet 5 snin biss.[44]

Fl-1637 ippubblika id-Discours de la méthode u s-saġġi dwar id-Dioptrique, La Géométrie u Météores. Fl-1641 ħarġet l-ewwel edizzjoni tal-Meditationes de prima philosophia li kien fiha l-ewwel sitt Objezzjonijiet u risposti. Is-sena ta' wara, 1642, fit-tieni edizzjoni tal-Meditationes ippublika is-seba' objezzjoni u risposta.

Fl-1643 il-filosofija Karteżjana ġiet ikkundannata mil-Università ta' Utrecht. Fl-istess żmien Karteżju beda korrispondenza twila ma' Eliżabetta, prinċipessa tal-Boemia. Fl-1644 kiteb il-Principia philosophiae u għamel vjaġġ fi Franza. Fl-1647 ir-re ta' Franza tah pensjoni. Is-sena ta' wara minn taħdita twila ma' Frans Burman twieled il-ktieb Responsiones Renati des Cartes... .[45]

Preċettur tal-filosofija fl-Iżvezja u l-mewt

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1649 aċċetta l-istedina tar-reġina Kristina ta' Żvezja, li kienet dixxipla tiegħu u xtaqet issaħaħ l-għarfien tagħha tal-filosofija, u mar joqgħod Stokkolma. Dik is-sena ddedika it-trattat Les passions de l'âme lill-prinċipessa Eliżabetta. Ix-xitwa ħarxa tal-Iżvezja u l-ħinijiet li Kristina kienet iġġiegħlu joħroġ mid-dar biex jgħallimha - kmieni filgħodu meta l-kesħa kienet l-iżjed kiefra - dgħajfulu saħħtu. Karteżju miet fil-11 ta' Frar 1650 minħabba, skont ir-rakkont tradizzjonali u l-ipoteżi l-iżjed emnuta, polmonite mhux mistennija.[46] Il-Knisja Kattolika ma damitx ma kkundannat il-ħsieb Karteżjan. Fl-1663 poġġiet ix-xogħlijiet tiegħu fuq l-Indiċi (għalkemm bil-klawżula attenwanti suspendendos esse, donec corrigantur).[47][48]

L-għadam ta' Karteżju

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qabar ta' Karteżju f'Saint-Germain-des-Prés

Wara mewtu, il-ġisem Karteżju ndifen f'ċimiterju Kattoliku żgħir 'il fuq minn Stokkolma fejn baqa' sal-1666 meta il-fdalijiet inqalgħu biex jittieħdu Pariġi u jindifnu fil-knisja ta' Sainte Geneviève-du-Mont[49] fejn baqgħu sas-26 ta' Frar 1819 meta tmexxew mill-ġdid u ndifnu bejn żewġ oqbra oħra, dawk ta' Jean Mabillon u di Bernard de Montfaucon fl-istess knisja: "fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Akkademja tas-xjenzi, il-fdalijiet inqalgħu għal darba oħra. Imma, meta resqu lejn it-tebut, dawk li kienu preżenti indunaw li kien hemm xi ħaġa mhux sewwa. L-iskeletru tal-filosfu misterjożament kien jonqsu l-kranju."[50]

Instab li l-Iżvediżi ma kinux bagħtu l-kranju u dan spiċċa fi rkant f'Stokkolma fejn inxtara u ngħata lil Franza. Fuq ir-ras, bix-xedaq u l-parti ta' taħt neqsin, hemm il-firem tas-sidien kollha minn meta nbiegħ sas-seklu 17. Skont l-użu ta' dak iż-żmien l-intellettwali kienu jżommu kranju fuq l-iskrivanija, jekk jista' jkun ta' persunaġġ famuż, b'tifkira tal-mewt li tasal 'l kulħadd. Imma l-kranju li hu attribwit lil Karteżju, kemm mill-età u kemm mir-rikostrizzjonijiet magħmulin mir-ritratti tal-filosfu, baqa' mifrud mill-bqija tal-ġisem u hu muri fil-Musée de l'Homme.[51]

F'ġieħ il-filosfu fl-1801, belt twelidu ħadet l-isem ġdid ta' La Haye-Descartes u mbagħad, fl-1966 meta ngħaqdet mal-komun ġar ta' Balesmes, saret sempliċement Descartes.

Ipoteżi oħra fuq il-mewt ta' Karteżju

[immodifika | immodifika s-sors]
Principia philosophiae, 1685

Il-filosfu Ġermaniż Theodor Ebert (1939), tal-Università Friedrich-Alexander ta' Erlangen,[52] fix-xogħol Il-mewt misterjuża ta' René Descartes wasal għall-konklużjoni li l-kawża tal-mewt ta' Karteżju ma kinetx pulmonite imma avvelenament bl-arseniku. Ebert sab nota tat-tabib ta' Karteżju li fiha kienu deskritti l-kondizzjonijiet tal-filosfu "sulluzzu ma jaqtax, bili suwed, nifs irregolari" sintomi li jaqblu ma' avvelenament bl-arseniku. Fl-istess xogħol jirrakkonta kif Karteżju, forsi billi ssusspetta avvelenament, ftit qabel mewtu talab infużjoni ta' nbid u tabakk, xarba li ġġiegħlek tivvomta.

Din it-teżi tal-avvelenament ta' Karteżju ġiet proposta wkoll fl-1996 minn awturi oħra bħal Eike Pies[53] li attribwieha għall-inizjattiva personali ta' patri kappillan mal-ambaxxata Franċiża f'Stokkolma li kien inkarigat li jagħmilha bħala "missjunarju ta-tramuntana" għall-konversjoni tar-reġina Żvediża għall-Kattoliċesmu.

Fl-1980 Pies seta' jaqra fl-arkivju tal-università Olandiża ta' Leiden ittra mit-tabib personali tar-reġina Kristina li fiha ddeskriva lil tabib ieħor ħabib tiegħu is-sintomi li Karteżju kellu huwa u jmut "emorraġija fl-istonku, vomtu iswed, l-affarijiet kollha li m'għandhomx x'jaqsmu mal-pulmonite".

Xi studji, meqjusin ta' min joqgħod fuqhom mill-esperti tas-suġġett, bħal Rolf Puster, jgħidu li Karteżju ġie avvelenat minn François Viogué permezz ta' ostja tat-tqarbin imbilla fl-arseniku. François Viogué kien patri Agostinjan Franċiż mibgħut Stokkolma mill-Papa Innoċenz X bħala missjunarju appostoliku biex jikkonverti r-reġina Kristina għall-Kattoliċeżmu, kif ġara wara fl-1654.[54]

L-ipoteżi li 'l Karteżju qatlu l-fanatku patri Viogué hi msejsa fuq il-fatt li dan il-patri it-tagħlim Karteżjan kien iqisu razzjonalista wisq u hekk kien ħa jieħu r-reġina Kristina lejn Kattoliċezmu differenti ħafna minn dak li kien jemmen fih hu.[55] Però, kif kien jaħsibha l-patri, jidher f'parti kontra dak li stqarret ir-reġina tal-Iżvezja nfisha f'testimonjanza inkluża fid-daħla tal-edizjoni tal-Méditations métaphysiques li ħarġet Pariġi wara mewt Karteżju. F'din faħħret il-filosfu u kitbet li "[M. Des-Cartes] a beaucoup contribué a nostre glorieuse conversion; et que la providence de Dieu s'est servie de luy [...] pour nous en donner les premières lumières; ensorte que sa grâce et sa misericorde acheverent apres à nous faire embrasser les veritez de la Religion Catholique Apostolique et Romaine".[56]

Il-parti l-kbira tal-istudjużi ma tantx jemmnu din l-ipoteżi ta' avvelenament, u jqisu l-ipoteżi tradizzjonali li ta il-bijografu Baillet iżjed ta' min jemminha. Baillet jgħid "assolutament ma nsegwix 'l dawk li skonthom il-filosfu miet b'avvelenament, vittma ta' konġura tal-qorti, mhux ta' min jemminhom u ħadd qatt ma ta prove plawsibbli".[57]

Barra minn hekk, il-ħbieb ta' Karteżju li assistewh fl-aħħar sigħat ta' ħajtu osservaw li kellu ħafna deni, sintomu li ma jaqbilx mal-avvelenamento bl-arseniku. Hemm fatt ieħor li jagħmel l-avvelenament inqas konvinċenti u dan hu li dak li qed jiġi akkużat bħala avvelenatur, Vioguè, qarar u wennes 'l Karteżju fuq is-sodda tal-mewt u għamillu l-griżma tal-morda.[58]

Il-ħsieb ta' Karteżju

[immodifika | immodifika s-sors]
Jekk irridu nfittxu l-verità tal-ħwejjeġ, ma rridux nagħżlu xjenza partikolari, infatti huma kollha marbutin ma' xulxin u dipendenti waħda fuq l-oħra. Irridu naħsbu biss biex inqawwu d-dawl naturali tar-raġuni, mhux biex nirriżolvu din jew dik id-diffikultà, imma għaliex f'kull ċirkustanza tal-ħajja l-intellett jgħid lir-rieda dik li għandha tagħżel; u malajr niskantaw kemm għamilna iżjed progress minn dawk li jinteressaw ruħhom f'ħwejjeġ partikolari u li ksibna mhux biss l-istess ħwejjeġ li xtaqu oħrajn, imma anki iżjed profondi milli huma qatt setgħu jistennew.

—Karteżju minn "Diskors dawr il-metodu"

L-għan tal-filosofija ta' Karteżju hu t-tfittix tal-verità, bħala strument tat-titjib tal-ħajja tal-bniedem: billi jsegwi din it-triq il-filosfu ried jibni 'il-binja tal-għarfien u jwaqqaf ix-xjenza.

Karteżju kien jemmen li l-kriterju sisieni tal-verità hi l-evidenza, dak li jidher sempliċement u indiskutibbilment ċert, permezz tal-intuwizzjoni. Il-problema tibda mill-individwazzjoni tal-evidenza, li tfisser it-tfittix ta' dak li jista' jkun suġġett għad-dubju. Mela, billi r-realtà tanġibbli tista' tqarraq bina għax hi suġġetta għall-perċezzjoni bis-sensi (dubju metodiku) u fl-istess ħin anki l-matematika u l-ġeometrija (dixxiplini li huma barra mid-dinja tas-sensi) jidhru foloz filwaqt li nammettu l-possibbiltà li entità superjuri (li Karteżju laqqam ġenju ħażin) tidher reali meta m'hijiex (dubju iperboliku), l-unika ċertezza li jibqagħlu l-bniedem hi li, mill-inqas, meta jiddubita, hu ċert li jeżisti. Il-bniedem jiskopri l-eżistenza tiegħu fid-dubju. Cogito ergo sum: mill-waqt li l-bniedem ikollu l-fakultà li jiddubita, il-bniedem jeżisti.

Karteżju jibda miċ-ċertezza tiegħu innifsu biex jasal, billi jifformula żewġ provi ontoloġiċi u prova kosmoloġika, għaċ-ċertezza tal-eżistenza ta' Alla. Alla, li fil-kunċett Karteżjan hu tajjeb u għalhekk ma' jistax jinganna l-ħolqien tiegħu (il-bniedem), jiggarantixxi l-metodu u jħalli l-filosfu joħloq il-'binja tal-għarfien. L-ikbar kritiki li rċieva Kartezju ġew minn Pascal u xi wħud mill-kontemporanji tiegħu li kienu jopponuh (fosthom il-filosfu Ingliż Hobbes u t-teologu Antoine Arnauld), li akkużawh li waqa' f'żball solipsistika (simili għal ċirku vizzjuż): Karteżju kien qiegħed jitteorizza l-eżistenza ta' Alla biex jiggarantixxi lilu nifsu kriteri ta' verità li qdewh biex juri l-eżistenza ta' Alla.[59]

  1. ^ René Des-Cartes hu forma ta' kitba oħra mifruxa l-iżjed fi żmienu.
  2. ^ Dan ir-raħal issemma "La Haye-Descartes" għalih fis-seklu dsatax u sempliċement "Descartes" fl-1967.
  3. ^ Adrien Baillet, Vie de Monsieur Descartes, I, p. 4
  4. ^ "Oeuvres, XII, p. 2
  5. ^ Ittra ta' Karteżju lill-prinċipessa Elisabeth von der Pfalz, Ġunju 1645, fl-Oeuvres IV, p. 221
  6. ^ Minħabba s-saħħa prekarja, il-familja ippreferew li jżommu lil René id-dar matul ix-xitwa. Il-bijografi ma jaqblux fuq is-sena meta Karteżju daħal La Flèche, iżda peress li huwa ċert li kien ħareġ f'Settembru tal-1615 u l-kors sħiħ tal-studju kien ta' disa' snin, naturali li wieħed jissoponi li daħal hemm fl-1607: cf. Geneviève Rodis-Lewis ,Descartes, 1997, pp. 23-25. Karteżju kiteb li La Flèche qatta' "kważi disa' snin": Ittra lil Julien Hayneuve, 22 ta' Lulju 1640
  7. ^ Dak iż-żmien fi Franza il-matematika kienet mgħallma biss fl-universitajiet: kienu l-Ġiżwiti li introduċew l-istudju tagħha fl-iskejjel tagħhom: cfr. Rodi-Lewis, cit., p. 23.
  8. ^ Rispettivament l-Introductio in dialecticam Aristotelis u l-Institutiones dialecticarum.
  9. ^ Il-kotba ta' referenza kienu il-Fisica, il-De coelo u il-De generatione et corruptione animalium ta' Aristotli.
  10. ^ Bl-istudju tal-Metafisica u tal-De anima.
  11. ^ Oeuvres, VI p. 4
  12. ^ Oeuvres, X, p. 214
  13. ^ Ittra ta' Karteżju lill-Prinċipessa Elisabeth von der Pfalz, cit., p. 221
  14. ^ Journal tenu par Isaac Beeckman de 1604 à 1634, editjat minn Cornelis de Waard, I, p. 262.
  15. ^ a b Dan id-djarju ntilef, iżda hemm konservata kopja parzjali magħmula minn Leibniz. Żball fl-użu tar-referenzi: Invalid <ref> tag; name "djarju" defined multiple times with different content
  16. ^ Journal, cit., I, 269.
  17. ^ Oeuvres, X, p. 95.
  18. ^ Oeuvres, X, pp. 156-158
  19. ^ A. M. Magri, G. C. Zuccotti, Enciclopedia di direzione e consulenza aziendale, Piccin ed., 1989, p.1652
  20. ^ Oeuvres, VI, p. 10.
  21. ^ Oeuvres, VI, p. 13
  22. ^ Oeuvres, VI, pp. 18-19
  23. ^ «X novembris 1619, cum plenus forem enthusiasmo, et mirabilis scientiae fundamenta reperirem», Oeuvres, X, p. 179
  24. ^ Oeuvres, X, p. 180.
  25. ^ Oeuvres, X, pp. 360-361.
  26. ^ Oeuvres, VI, 28.
  27. ^ Oeuvres, X, pp. 193-196; Rodis-Lewis, cit., p. 54.
  28. ^ Adrien Baillet fl-Oeuvres, I, p. 3.
  29. ^ Kontra dak li jistqar il-bijografu Borel, fl-ittra lil Mersenne tal-11 ta' Ottobru 1638 Karteżju kiteb ċar li qatt ma kien ra 'l Galileo.
  30. ^ Oeuvres, VI, pp. 316-321
  31. ^ Ittra lil Guez de Balzac, 5 ta' Mejju 1631, fl-Oeuvres, I, p. 204.
  32. ^ L-akkużi ta' plaġju, imqajma wara l-mewt ta' Karteżju, minn Vossius, Huygens u Leibniz m'għandhom sisien: cfr. Paul Mathias Kramer, Descartes und das Brechungsgesetz des Lichtes, f'"Abhandlungen zur Geschichte der Mathematik", 1882, 4.
  33. ^ Il-liġi kienet ukoll ir-riżultat derivat mill-istudi tiegħu dwar il-koniċi: cfr. Gaston Milhaud, Descartes savant, pp. 103-123.
  34. ^ Oeuvres, I, p. 213: ittra lil Etienne de Villebressieu, 1631.
  35. ^ Infatti Kartezju qatt ma ppublika ir-Regulae, li ġew ippubblikati wara mewtu fi traduzzjoni Olandiża fl-1684, waqt li l-edizzjoni Latina, mentre l'edizione latina, inkluża fl-Opuscula posthuma, dehret fl-1701. Il-manuskritt oriġinali ntilef.
  36. ^ Regola I: "Studiorum finis esse debet ingenii directio ad solida et vera, de iis omnibus quae occurrunt, proferenda judicia».
  37. ^ Regola IV: "Necessaria est methodus ad veritatem investigandam".
  38. ^ Regola V: "Tota methodus consistit in ordine et dispositione eorum, ad quae mentis acies est convertenda, ut aliquam veritatem inveniamus. Atqui hanc exacte servabimus, si propositiones involutas et obscuras ad simpliciores gradatim reducamus, et deinde ex omnium simplicissimarum intuitu ad aliarum omnium cognitionem per eosdem gradus ascendere tentemus".
  39. ^ Oeuvres, VI, p. 82.
  40. ^ Oeuvres, VI, p. 354
  41. ^ Kif kiteb fi Frar 1634 lil Mersenne, wara li sar jaf bil-kundanna ta' Galileo, Karteżju ddikjara "l-ubbidjenza sħiħa tiegħu lejn il-Knisja" li ġiegħlitu "jissopprimi ix-xogħol sħiħo tiegħu ta' erba' snin", u jfittex biss "il-mistrieħ u s-sliem tal-ispirtu", mingħajr ma jirrinunċja il-konvinzjonijiet tiegħu fuq l-astronomija: cfr. Oeuvres, I, pp. 281-282.
  42. ^ Newton, fil-Principia, attribwixxa lil Galileo iminflok lil Karteżju l-ewwel formulazzjoni korretta ta' dan il-prinċipju.
  43. ^ Desmond M. Clarke, Descartes: A Biography, Cambridge University Press, 2006, p.135
  44. ^ Umberto Eco, Mariti di mogli ignote, in L'Espresso, 20 agosto 2010
  45. ^ Responsiones Renati des Cartes ad quasdam difficultates ex Meditationibus ejus etc., ab ipso haustae. Per Burmannum.
  46. ^ U.Nicola, Antologia illustrata di filosofia. Dalle origini all'era moderna, Demetra , 2003 paġ.219
  47. ^ Iċ-ċensuri li kellhom ix-xogħlijiet Karteżjani humma ppubblikati minn Jean-Robert Armogathe - Vincent Carraud, La première condamnation des Œuvres de Descartes, d'après des documents inédits aux Archives du Saint-Office, f' "Nouvelles de la République des Lettres, 2001-II, pp. 103-137 u minn Candida Carella, Le Meditationes cartesiane "Amstelodami 1709" e la condanna del 1720, f' "Nouvelles de la République des Lettres, 2008-I, pp.111-120.
  48. ^ Donec corrigantur. Decr. 20. Novembr. 1663. Cfr. per es. Index Librorum Prohibitorum, Romæ, M.CC.LVIII. (1758), p. 46.
  49. ^ Il-knisja antika li fil-520 kienet iddedikata lil Santa Genoveffa (Sainte Geneviève-du-Mont), li biż-żmien kienet waqgħet, fl-1746 reġgħet inbniet b'koppla kbira fl-istil neoklassiku. Matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, fl-1791, l-Assemblea Nazzjonali ddeċidiet li tiskonsagra l-knisja biex tibdilha f'mosulew biex fih jinġabru l-fdalijiet tan-nies Franċiżi famużi, fosthom Karteżju, u tissejjaħ il-Pantheon tal-glorji nazzjonali. Id-deċiżjoni li ttieħdet fl-1792 dwar it-trasferiment tal-ġisem ta' Karteżju baqgħet ma seħħitx. Fl-1793 il-kaxxa li kien fiha r-relikwi tal-qaddisa ġiet maħruqa fil-pubbliku mill-ġakobini fi Place de Grève. Il-knisja ġiet restitwita għal-kult fl-1821, biex tiġi skonsagrata mill-ġdid fl-1831. Napuljun III fl-1852 reġa' rrestitwieha lill-Knisja Kattolika. Fl-1870 matul il-Komun ta' Pariġi, il-communards reġgħu xerrdu r-relikwi tal-qaddisa. Fl-1885 il-Knisja reġgħet ikkonsagrat il-Pantheon u ddedikatu mill-ġdid lil Santa Ġenoveffa. Illum fih isiru funzjonijiet reliġjużi u kommemorazzjonijiet ċivili wkoll.
  50. ^ Russell Shorto, Le ossa di Cartesio. Una storia della modernità, Longanesi, pp. 294
  51. ^ Sofia Rocca Binni,Ritorno, UNI Service, 2010, p.256
  52. ^ Der rätselhafte Tod des René Descartes. Alibri, Aschaffenburg 2009, ISBN 978-3-86569-048-7
  53. ^ Cfr. E. Pies, "Der Mordfall Descartes", 1. Aufl. Köln 1991, 2. und 3. Aufl. Solingen 1996
  54. ^ Cartesio ucciso da un'ostia all'arsenico
  55. ^ http://www.huffingtonpost.com/russell-shorto/russell-shorto-emdescarte_b_139622.html Shorto Russel
  56. ^ Cfr. Les méditations métaphysiques de René Des-Cartes, Paris, 1673, in-4°, p. xxiij. (Temoignage de la Reyne Christine de Svede).
  57. ^ Ettore Lojacono, Cartesio, in I grandi della scienza, anno III, n. 16 (collana a cura de Le Scienze), Milano, 2000, p. 101.
  58. ^ Mario Iannaccone, Una "bufala" avvelenata per Cartesio, da Avvenire, 12 novembre 2009.
  59. ^ Renato Cartesio, Meditazioni metafisiche, Armando Editore, 2003, p.24
pFad - Phonifier reborn

Pfad - The Proxy pFad of © 2024 Garber Painting. All rights reserved.

Note: This service is not intended for secure transactions such as banking, social media, email, or purchasing. Use at your own risk. We assume no liability whatsoever for broken pages.


Alternative Proxies:

Alternative Proxy

pFad Proxy

pFad v3 Proxy

pFad v4 Proxy